Il-Pulizija tinsab fid-dmir li tinfurmana jekk Chris Cardona huwiex qed jiġi nvestigat dwar kumplott separat biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Illum fil-qorti smajna lil Ċensu Muscat il-Koħħu iwieġeb għall-mistoqsijet li għamillu l-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi u x-xhieda li huwa ta qablet ma’ provi li diġà nġiebu dwar l-involviment ta’ Chris Cardona flimkien ma’ oħrajn fil-konġura li seħħet ftit wara l-elezzjoni tal-2013 biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Jeħtieġ li nifhmu sewwa li l-Koħħu huwa xhud li qed jittella’ jixhed fil-qorti mill-Pulizija stess.

Ix-xhieda tal-Koħħu tikkonferma informazzjoni li diġà ilna nafuha. Jiġifieri informazzjoni dwar r-rabtiet li kien hemm bejn il-Koħħu u kriminali oħrajn fuq naħa waħda u bejn Chris Cardona u persuna oħra li jidher li hi David Gatt.

Diġà teżisti informazzjoni dwar ir-rwol li kellu David Gatt fid-dinja tal-kriminalità. Xi snin ilu kien ġie liberat mill-qorti dwar akkuża marbuta ma’ sensiela ta’ serqiet minn banek u din is-sentenza hi waħda aħħarija. Madankollu dan ma jfissirx li l-provi li issa telgħu fil-wiċċ ma jistgħux jintużaw biex issir investigazzjoni separata dwar Chris Cardona.

Barra minn dan, hi rilevanti wkoll l-imġieba ta’ Chris Cardona. Dan baqa’ jiċħad pubblikament u politikament li lill-aħwa Degiorgio kien jafhom. Iżda kellha tkun protesta li kienu għamlu tal-Occupy Justice f’April 2018 quddiem l-Għassa tal-Belt Valletta li wasslet biex il-Pulizija bgħatet għal Chris Cardona biex tinterrogah. Dakinhar kien reġa’ ċaħad li kien jaf lill-aħwa Degiorgio? Lill-Pulizija gidbilhom waqt l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia? Jekk kien gideb, allura għandu jħallas ta’ għemilu

Il-Koħħu xehed li Chris Cardona kien ħaġa waħda mal-aħwa Degiorgio. U baqa’ jsostni li kien minnu li Chris Cardona – minkejja li dan baqa’ jiċħdu – kien jiltaqa’ magħhom fil-Ferdinand’s Bar fis-Siġġiewi u fl-iStables Bar fil-Belt Valletta. Il-Koħħu xehed ukoll li Chris Cardona kien ta l-għajnuna tiegħu f’każ ieħor separat ta’ qtil ippjanat.

L-argument li x-xhieda tal-Koħħu hi “detto del detto” ma jreġix. Li kieku l-Koħħu qed jixhed dwar ħwejjeġ li m’humiex konfermati minn provi oħrajn, dan l-argument forsi kont nasal biex nifhmu.  Iżda jekk il-Pulizija m’hix tinvestiga dan kollu, jkun qiesu qed tistenna li l-Koħħu jagħmlilhom xogħolhom jew tistenna li Chris Cardona ser isegwi l-passi tal-Koħħu u jammetti. Dan ċertament mhux ser jiġri. Huwa xogħol il-Pulizija li tfittex il-provi biex tkun tista’ tissostanzja s-suspett raġjonevoli li Chris Cardona kien imdaħħal f’kumplott biex tinqatel Daphne u li kien ukoll jaf bil-kumplott li wassal biex ġiet assassinata.

Apparti d-destin legali ta’ Chris Cardona, hemm ukoll id-destin politiku ta’ pajjiżna. Sa ftit xhur ilu, Chris Cardona kien id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u ministru anzjan fi ħdan il-gvern. F’intervista li kien ta fi Frar tal-2020, Chris Cardona kien stqarr li f’Jannar 2020 Robert Abela kien offrielu ministeru, liema offerta hu ma kienx aċċettaha. Din l-istqarrija Robert Abela baqa’ ma ċaħadhiex.

Il-Partit Laburista meta ser jiddeċiedi li jżomm ruħu ‘l bogħod minn dan kollu? Meta ser jikkundanna dan l-għemil? Meta ser jistqarr darba għal dejjem li mġieba marbuta mal-kriminalità, mat-traffikar tad-droga u mal-assassinji m’hix waħda li hi aċċettabbli għall-politiċi?

Eh kważi nsejt. Illum fil-qorti l-Koħħu stqarr li ministru preżenti  – jiġifieri xi ħadd li m’huwiex Chris Cardona – kien għen biex isseħħ serqa minn bank. X’qed jagħmlu l-Pulizija dwar din l-istqarrija? Staqsihom Robert Abela lill-Ministri tiegħu jekk fl-imgħoddi kienux kompliċi f’serqa minn bank?