Tgħidx kemm kien drammatiku l-bieraħ Chris Fearne wara li l-Oppożizzjoni sfidatu u akkużatu li kien qed jagħmel il-preferenzi politiċi u jqabbeż nies fuq oħrajn li qed jistennew biex jingħataw it-tilqima kontra l-imxijja.

Hu u jiċħad dawn l-istejjer, Chris Fearne infexx f’dagħdiha ta’ rabja u lill-Kap tal-Oppożizzjoni qallu li kien hemm membru tal-grupp parlamentari tal-PN li kien talbu li jqabbżu fuq minn kien imiss qablu għat-tilqima u, ta’ “eroj” li hu, Chris Fearne ma kienx aċċetta. B’mod erojku, Chris Fearne stqarr ukoll li ma kien bi ħsiebu jikxef minn kien dan id-deputat tal-PN li talbu jagħmel preferenzi miegħu.

Dak li ried ipinġih bħallikieku kien ġust huwa fil-fatt mill-aktar inġust. U issa ntefa’ dell fuq id-deputati kollha tal-PN.

Dan huwa appuntu dak li Chris Fearne ried joħloq: għatta l-preferenzi li għamel hu billi allega li kulħadd qed jagħmel bħalu.

Jekk tassew kien hemm deputat li talab li jitqabbeż fuq min kien imiss qablu, kien messu kixef isem din il-persuna.

Għidilna ftit min kien dan, Chris Fearne. Jekk tibqa’ ma tikxifx min hu jew min hi, nistgħu biss nikkonkludu li qed tigdeb.