F’diskors li għamel il-bieraħ, Robert Abela stqarr li kien ordna t-tħassir tal-kuntratt li Justyne Caruana tat li “seħibha” Daniel Bogdanovic hekk kif tfaċċat l-aħbar fil-mezzi tax-xandir dwar dan il-kuntratt.
Dlonk ftakart f’waħda mill-ewwel miżuri li kien ħa Robert Abela: meta kien ordna t-tħassir tal-kuntratt li l-awtorità tat-turiżmu kienet tat lil Konrad Mizzi fiż-żmien meta kien warrab minn ministru responsabbli minn din l-awtorità.
Din id-darba Robert Abela kontra qalbu kellu jagħti mertu lix-xogħol tal-ġurnalisti meta dawn kixfu l-abbużi fi ħdan il-gvern li wassal għal dan il-kuntratt. Iżda ma kellux id-diċenza li jammetti li l-gvern kien naqas li jwaqqaf dan l-abbuż. B
Daniel Bogdanovic issa m’huwiex ser jitħallas €5,000 fix-xaħar biex jagħmel żjarat fi skejjel magħluqa u biex ifassal kurrikulu li m’għandux il-kwalifiki li jfassal. Jekk xejn, dan juri li Robert Abela jaqbel li l-kuntratt ma kellu qatt jingħata.
Ma kienx Daniel Bogdanovic li rebbaħ il-kuntratt lilu nnifsu. Kien hemm persuna li rebbħitulu. U l-ġurnalisti, li tant ingħataw krettu għal xogħolhom minn Robert Abela, kitbu li kienet justyne Caruana li ħarġet bl-idea li tagħtih il-kuntratt. X’prezz ser tiġi mġiegħla tħallas Justyne?
Wara kollox, kif ammetta Robert Abela, li kieku ma kienx għall-ġurnalisti, Daniel Bogdanovic bħalissa qed igawdi l-kuntratt li kien ingħata. Robert Abela ma kienx ikun sema’ bih u ma kien isir jaf bih ħadd.
Aqta’ għad-dritt, Robert Abela u għamel xogħlok. Mhux biżżejjed li tħassar kuntratt li sar b’abbuż ta’ poter. Ifisser iżda li għad fadal x’wieħed jikxef u li m’int tagħmel xejn biex ittajjar lil min wettaq l-abbużi.