Fid-dawl tal-provi li ressqet kontra Keith Schembri dwar is-serqa tal-Progress Press, il-Pulizija flimkien ma’ istituzzjonijiet oħrajn bħan- National Audit Office għandhom jistħarrġu l-kuntratt tal-Crane Currency.

Keith Schembri kien il-factotum u l-perċimes wara dan il-kuntratt.

Infakkar li l-Progress Press, li hi waħda mill-kumpanniji sidien tat-Times of Malta, kien irnexxielha takkwista sussidju mill-Malta Enterprise biex setgħet tiffinanzja tagħmir ġdid tal-istampar. Keith Schembri kien forna t-tagħmir u, fuq il-profitt normali li għamel, żied ammont ieħor biex ma jeħilx taxxa f’Malta, liema ammont li huwa mbagħad bewweġ ‘il barra f’kumpanniji barranin li kellu ma’ sieħbu u ma’ żewġ mexxejja tal-Progress Press li kien irnexxielu jxaħħam.

Kif kienet ġiet Malta l-Crane Currency?

Joseph Muscat kien semma’ lill-Crane għall-ewwel darba f’jum l-Indipendenza 2016. Dakinhar kien f’Boston waqt żjara lill-uffiċċji tal-kumpannija u kien ipparaguna l-kobor tal-investiment ma’ dak tal-STMicroelectronics. Dakinhar Joseph Muscat seta’ kien xi ftit eċċitat hu u jitkellem fil-presenza tal-uffiċjal eżekuttiv ewlieni tal-Crane Stephen Defalco li, minn naħa tiegħu, għadda biex “faħħar lin-negozjaturi Maltin u sejjħilhom bħala fost l-aktar negozjaturi professjonali li qatt ħadem magħhom”.

Meta ntqal dan id-diskors, faqqgħet l-ewwel sajjetta.

Xahrejn wara l-ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Camilleri xandar id-dettalji ta’ dak li l-gvern Malti kien impenja ruħu li jagħti lil Crane Currency kemm il-darba dawn jaċċettaw li jiftħu f’Malta. Il-gvern kien intrabat mhux biss li jħallas €27 miljun biex jibni l-fabbrika tal-Crane f’Ħal Far, iżda ntrabat ukoll li jiggarantixxi 75% ta’ self ta’ €72 miljun biex jitħallas l-investiment tal-gvern fit-tagħmir kompriż ix-xiri tat-tagħmir tal-istampar li kellhom jiġu forniti minn Keith Schembri. Pjan li kien jixbaħ dak li bis-saħħa tiegħu forna t-tagħmir lill-Progress Press.

Iżda dak iż-żmien, Keith Schembri ma kienx sempliċi negozjant privat. Kien ukoll il-kap tan-“negozjaturi Maltin” li tant kienu ġew imfaħħra mill-uffiċjali ewlieni tal-Crane Currency. 

Is-sajjetti issa komplew ifaqqgħu bil-kbir. F’Settembru tal-Crane ħabbru li kien bi ħsiebhom jinvestu €100 miljun f’Malta. U malli wasal Diċembru sirna nafu li l-poplu Malti kien ser joħroġ €80 miljun u l-bilanċ kien ser jiġi misluf mill-Bank of Valletta lil tal-Crane.

Ammont sostanzjali mit-€72 miljun f’investment sab ruħu f’fatturi maħruġin min-negozji ta’ Keith Schembri f’Malta. Dan kien iż-żmien li matulu Joseph Muscat f’Boston kien sejjaħ lil Keith Schembri bħala l-“katalista” tan-negozju li ntlaħaq qbil dwaru. Iżda mbagħad f’Diċembru, Joseph Muscat bidel id-diska u stqarr li Keith Schembri ma kellu ebda rwol fin-negozjati – kien biss “ħaffef” in-negozju.

Tal-Crane Currency kienu għamlu akkwist tajjeb ħafna. Ma kienu ser joħorġu minn buthom kważi xejn u akkwistaw kumpless modern. Tant marru tajjeb li s-sidien tal-Crane Currency ftehmu li jbiegħu n-negozju tagħhom lil sidien ġodda għall-prezz ta’ $800 miljun. Ivan Camilleri tat-Times of Malta kien ikkwota għejjun li stqarrew li “il-kumpless f’Malta kien attrazzjoni li wassal għall-bejgh tal-impjant”.

Ċertament kien attrazzjoni: fabbrika ġdida fjamanta, qliegħ qawwi, investiment u riskju minimu. X’ma jaħtfuhiex l-offerta tal-gvern!

Dak iż-żmien saħansitra anki Alfred Sant kien stagħġeb bil-ġenerożità tal-gvern Malti ma’ tal-Crane Currency. “X’inhu jiġri?” kien staqsa Alfred Sant. “Sabiex nippromwovu l-industriji ġodda f’Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea, hemm għalfejn noqgħodu nagħtu s-“sussidji” lill-investituri barranin li huma daqshekk għoljin?”

Dak iż-żmien Alfred Sant kien isserva b’din l-istorja biex jipprova jiġġustifika l-politika skaduta tiegħu kontra l-Unjoni Ewropea. Iżda, fil-fatt, li tgħodd hi l-osservazzjoni li kien għadda fis-sens li s-sussidji tal-gvern kienu ġenerużi wisq mal-Crane Currency. Deherlu li sussidji bħal dawn xejn ma jagħmlu sens. Jekk kien xamm xi korruzzjoni, baqa’ ma  ma qal xejn.

Ma nagħmlux mod li dan kien parti minn pjan biex jiġi ffrodat il-gvern (u l-Malta Enterprise) u forsi anki l-Bank of Valletta sabiex b’hekk Keith Schembri jkun jista’ jkompli jimla’ l-bwiet tiegħu?

Fid-dawl ta’ dak li sirna nafu dwar is-serqa tal-Progress Press u l-ftit li nafu dwar il-Crane Currency, din il-mistoqsija jeħtieġ li ssir. U, m’għandniex xi ngħidu, l-fattur komuni huwa keith Schembri.

U mhux Keith Schembri biss.

Jista’ jagħti li każ li l-Pulizija ma tkunx qed titlef iż-żmien jekk din tibgħat għal Noel Galea. Sa Ġunju 2017 dan kien iċ-Chief Operations Officer tal-Progress Press. Kien dan li ġab it-tagħmir tal-istampar biex Keith Schembri seta’ jaħdem u jistagħna.

Wara li telaq l-impjieg tiegħu minn mal-Progress Press, tafu ma’ min mar jaħdem?

Mal-Crane Currency.