Mario Cutajar wieġeb għal diskors li għamel il-bieraħ fil-Parlament Jason Azzopardi li permezz tiegħu id-deputat tal-PN allega li fl-2013 il-kap tas-servizz ċivili u dak li kien imexxi l-korp tal-pulizija kienu ngħaqdu biex flimkien jintimidaw impjegat anzjan tal-gvern u jġiegħeluh iwarrab.
L-istqarrija ta’ Cutajar hi twila 8 paragrafi. F’seba’ paragrafi u nofs minnhom ma jagħmel ebda riferenza għall-allegazzjoni. Fihom jidher li qed iwieġeb għal xi tip ta’ mistoqsija iżda jibqa’ ma jweġibx il-mistoqsija ta’ Jason Azzopardi.
U fl-aħħar sentenza tiegħu, Mario Cutajar igħid li dak li allega Jason Azzopardi huwa “‘l bogħod mill-verità”.
Dak kollu? Daqshekk biss għandek xi tgħid? Kemm ‘il bogħod mill-verità? X’inhi l-verità? Nistgħu b’xi mod inserrħu fuq dak li ktibt int? Jeżisti xi ħadd li għandu indipendenza biżżejjed biex igħarbel dak li għidt?
Jaqaw qed ngħixu f’pajjiż li fih impjegat tas-servizz ċivili jista’ jiġi mwarrab minn xogħolu bis-saħħa ta’ akkużi foloz minn naħa tal-pulizija?