Bħalissa qed nassistu għal taqtiegħa dwar liema triq li għandu jaqbad il-Partit Laburista.

Hemm ukoll taqtiegħa għar-riżorsi tal-Istat.

U taqtiegħa għar-ruħ ta’ pajjiżna.

Illum fil-Partit Laburista ħadd ma jiddubita l-fatt li, bejn is-snin 2008 u 2013, l-infrastruttura kollha tal-moviment serviet ta’ ngwanta għall-ponn ħattiefi ta’ Joseph Muscat. Biex wieħed dan seta’ jifhmu, Keith Schembri – dak li kienu jsejjħulu l-imgħallem, il-moħħ u l-istrateġista ġenju – ma kellux għalfejn jidher imħarrek il-qorti u miżmum taħt arrest.

Minkejja l-aljenazzjonijiet u diverżjonijiet kollha – bħall-istorja li l-manuvri ta’ Keith Schembri fit-Times of Malta seħħew fi żmien meta kien prim ministru Lawrence Gonzi u li allura jaħtu n-Nazzjonalisti – ftit huma dawk li issa m’humiex jaraw ċar.

Il-biċċa l-kbira tal-Laburisti issa ilhom li fehmu li ġew użati minn  Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u oħrajn mhux biex dawn jagħtu servizz pubbliku iżda biex ikunu jistgħu jimlew bwiethom u jissodisfaw ir-regħba tagħhom.

Fehmu li, meta kellhom ir-riedni tas-setgħa f’idejhom, Joseph Muscat u sħabu wżawhom. Qed jifhmu li, anki wara li warrbu, Joseph Muscat u sħabu jridu jkomplu jużawhom.

L-ewwel użawhom bħala staffa biex ikunu jistgħu jisirqu. Issa jridu jibqgħu jużawhom biex ikunu jistgħu jgħadduha lixxa.

Araw ftit x’qal Joseph Muscat: “In-Nazzjonalisti ma jridux li ssir ġustizzja. Iridu jivvendikaw ruħħom għaliex jien irbaħtilhom l-elezzjonijiet.” Joseph Muscat għadu sal-lum jiftiehem ma’ Keith Schembri – kif kienu jagħmlu meta kienu Kastilja – dwar kif għandu jqiegħed il-kliem. Ftit tal-ġranet ilu Keith Schembri stqarr li l-akkużi li għandu ma’ wiċċu huma vendikazzjoni min-naħa “tal-establishment Nazzjonalista li ma tistax tniżżilha li hu tellifhom l-elezzjonijiet.”

M’hemmx għalfejn li wieħed ikollu xi għerf kbir biex dan kollu jifhmu sewwa. Meta kellhom is-setgħa f’idejhom, ħadd ma kien jista’ għalihom, gawdew mill-impunità u ngħataw il-kenn mill-“erbgħin elf, ħi”, jiġifieri l-appoġġ tal-partitarji fanatiċi. La l-Pulizija, la l-Prosekuturi u lanqas il-Maġistrati ma setgħu jmissuhom mhux biss minħabba s-saħħa li kellhom iżda wkoll minħabba l-forza intimidatorja ta’ maġġoranza politika rrabjata.

Issa li m’għandhomx is-setgħa f’idejhom, m’għadx għandhom l-immunitajiet uffiċjali li kienu jippretendu li kellhom. Issa qed jitfaċċaw uffiċjali tal-pulizija kuraġġjużi li qed jieħdu riskji kbar u jqiegħduhom fejn jixirqilhom: fl-iżbarra

Kull tama li fadlilhom Joseph Muscat, Keith Schembri u l-bqija li jkomplu jgawdu l-impunità tinsab fis-setgħa intimidatorja tal-partitarji fanatiċi tagħhom. U lil dawn il-partitarji qed jagħmlu minn kollox biex iqanqluhom bħallikieku Robert Abela ma jeżistix.

Lil Robert Abela lanqas biss jikkalkulawh għaliex dan jaf postu lil Joseph Muscat. U bħal kull persuna maħtura minn Joseph Muscat, huwa dgħajjef u midjun lejn sidu għall-kariga li għandu llum. Arawh fir-ritratt ta’ hawn fuq iċapċap għat-teatrin ta’ Joseph Muscat flimkien ma’ Chris Cardona, Konrad Mizzi u l-preżenza inviżibbli ta’ Keith Schembri.

Robert Abela – kif l-istess jista’ jingħad għal laqgħqin kollha li ġew qablu u li okkupaw karigi fil-korp tal-pulizija, fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali, fil-parlament, fil-Partit, fis-servizz ċivili u l-bqija – politikament jista’ jibqa’ jimraħ fil-wiċċ kemm il-darba ma jipperikolax l-issuktar tal-impunità għal Joseph Muscat u għal sħabu.

Robert Abela ma jistax joftom lill-Partit tiegħu minn mal-mexxej ta’ qablu. Ma jista’ qatt jippermetti li jiġu mgħarbla sewwa l-provi li Joseph Muscat personalment approfitta ruħu mill-korruzzjoni u mis-sħubija tiegħu ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Nieħdu l-inkjesta dwar Egrant. Dan l-aħħar Joseph Muscat stqarr li ser jibqa’ jitkellem dwar Egrant sal-aħħar nifs ta’ ħajtu. Mur għidlu li lanqas jien m’jien beħsiebni niskot!

It-termini ta’ riferenza tal-inkjesta kienu tfasslu mill-avukat ta’ Joseph Muscat Pawlu Lia, l-istess persuna li hi membru tal-unika entità legali li għandha s-setgħa li tiddixxiplina lill-Maġistrat li mexxiha.

Il-Maġistrat li mexxa’ l-inkjesta kien jiddependi mix-xogħol tal-pulizija ta’ Lawrence Cutajar, Silvio Valletta u Ian Abdilla. Lawrence Cutajar kien kiteb li  Joseph Muscat għandu bajd kbar. Silvio Valletta għatta xtur il-mafja. U Ian Abdilla tefa’ taħt it-tapit patafjun provi li issa qed jintużaw mill-prosekuzzjoni kontra Keith Schembri.

Il-Maġistrat kien għadda r-rapport tiegħu lil dak li kien l-Avukat Ġenerali Peter Grech li, minn naħa tiegħu, kien ammetta li kien ta struzzjonijiet lill-pulizija biex jagħlqu għajnejhom għall-provi li kien hemm. Peter Grech kien rema’ l-baħar l-awtonomija kostituzzjonali tiegħu u obda l-ordnijiet tal-ministru tal-ġustizzja Owen Bonnici li kien qal libes il-kappell ta’ avukat difensur ta’ Joseph Muscat.

Il-Maġistrat kien serraħ fuq ix-xhieda li kienet ingħatat minn Brian Tonna u minn Karl Cini, li t-tnejn li huma jinsabu l-ħabs jistennew li jgħaddu proċess fil-qorti akkużati bi frodi, falsifikazzjoni, ksur tal-liġijiet tal-accountancy u ġuramenti foloz.

Il-Maġistrat kien ħadem taħt id-dell tas-setgħa bla tarf ta’ Joseph Muscat dwar jekk kellux jingħata promozzjoni biex isir imħallef jew le.

U l-Maġistrat Aaron Bugeja kien inħatar bħala mħallef ftit wara li temm l-inkjesta tiegħu.

Issa qabblu dan kollu mal-fatt li l-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia u l-informazzjoni li kienu jgħaddulha l-għejjun tagħha dwar dak li kien qed iseħħ fil-Pilatus Bank irriżulta li kienet korretta u li fuqha issa l-prosekuzzjoni qed isejjes il-każ tagħha fil-qorti.

Il-każ Egrant għandu jerġa’ jinfetaħ, il-provi għandhom jerġgħu jiġu mgħarbla sabiex jintefa’ d-dawl tas-sewwa fuq “l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija”.

Joseph Muscat dan m’hux ser jaċċettah u Robert Abela ser igħinu biex igħatti xturu. Iżda jekk f’pajjiżna l-Partit Laburista huwa tassew forza favur is-sewwa, jeħtieġ li jieħu azzjoni dwar in-nuqqas ta’ rabtiet li għandu ma’ dak kollu li hu sewwa.

Malta dan teżiġieh.