Jaqaw m’għadhomx igħallmu r-regoli tal-loġika fl-iskejjel? Il-bieraħ lill-membri tal-istampa Robert Abela qalilhom li dawk li jmexxu s-servizz pubbliku ngħataw ordnijiet biex ma jidħlux f’negozju li ma jkunx konformi mar-rwol tagħhom bħala impjegati pubbliċi. Din sejjħilha “mentalità ġdida”.
Għaliex ħass il-ħtieġa li jitkellem kif tkellem? Għandi nifhem li l-prim ministru espriema ruħu b’dan il-mod għaliex jidhirlu li l-“mentalità l-antika” li wieħed jidħol għan-negozju waqt li jkun qed iwettaq dmirijiet pubbliċi m’hix aċċettabbli u jeħtieġ li tinbidel.
Din m’hi xejn ħlief moralità tal-iskola tan-nuna. Huma t-tfal li jgħaddu minn fażijiet ta’ mġieba mqarba f’ħajjithom u, meta jinqabdu, jiġu kastigati u jiġu mġiegħla jwiegħedu li ma jerġgħux ikunu mqarbin.
Din il-mentalità ilna li tlaqniha. Waqt il-konferenza dwar l-“għaqda nazzjonali” ftit jiem ilu, dawk li ma jaqblux mal-idea li għandu jkun hemm stazzjonijiet televiżivi tal-partiti politiċi stqarrew li l-partiti nnifishom għandhom ifasslu regoli ġodda ta’ mġieba.
Jien ma qbiltx ma’ min ħareġ b’din l-idea. Tgħid il-partiti politiċi għandhom il-ħtieġa ta’ regolamenti li tirregola mġibithom biex jintebħu li mhux sewwa li wieħed jigdeb? Dan ma kienx messhom jafuh mill-bidu nett?
U l-mexxejja tas-servizz ċivili m’għandhomx ikunu jafu li mhux sewwa li jinnegozjaw u jkunu sħab ma’ dawk li suppost ikunu qed jirregolaw?
Johann Buttigieg inkixef li kien innegozja kuntratti dwar trasferimenti ta’ proprjetà ma’ Yorgen Fenech. Dan in-negozju sar waqt li Buttigieg kien ir-regolatur ewlieni, jiġifieri dak li kien jiddeċiedi dwar min kellu jingħata permess u dwar min dan il-permess kellu jinċaħadlu.
Hemm għalfejn noqgħodu nfasslu r-regoli biex lil Johann Buttigieg ngħidulu li l-imġieba tiegħu ma kienitx korretta? Jew biex lil Joe Cuschieri ngħidulu li ma kienx korrett meta, bħala regolatur tal-industrija tal-gaming u tal-bankiera tagħha, siefer ma’ Yorgen Fenech?
Jista’ Robert Abela b’serjetà jgħidilna li jkollna “mentalità ġdida” meta ssir insistenza li l-interessi privati tal-amministraturi pubbliċi għandhom jinżammu ‘l bogħod mill-interessi pubbliċi tagħhom u li jeħtieġ li jkunu aktar safjin minn mart Ċesri?
Dawn possibbli li qatt ma qraw it-tħassib ta’ Platun dwar il-filosfi-rejiet? Qatt ma qraw il-kitbiet ta’ Aristotli, ta’ Machiavelli jew ta’ Montesquieu? Qatt ma għamluha ta’ kap ta’ klassi jew ta’ xi ristorant?
It-tweġiba hi “le”.
Dan għaliex l-edukazzjoni politika, etika u amminstrattiva ħaduha mingħand Joseph Muscat. Taħtu l-mentalità kienet waħda ta’ “aħtaf kemm tiflaħ sakemm ikollok iċ-ċans”.
Ma skoprejniex l-Amerika, hux hekk? Robert Abela qalilna li jinsab rasu mistrieħa li l-messaġġi tal-WhatsApp li ntbagħtu lil Johann Buttigieg jindikaw biss li kienet saret diskussjoni ma’ Yorgen Fenech dwar il-possibilità li jissieħbu f’negozju. Skont Abela, din m’hix “prova” li fil-fatt issieħbu f’negozju. X’ħaseb li għandna nimmaġinaw f’moħħna Robert Abela? Li Yorgen Fenech kien ser igħaddi kemm Alla ħalaq karti tal-flus permezz tal-WhatsApp account tiegħu?
Tiftakru li meta kienu nkixfu Keith Schembi u Konrad Mizzi bħala s-sidien ta’ kumpanniji sigrieti fil-Panama, kienu qalulna li “ma kienux instabu flus”?
L-Oppożizzjoni, l-Moviment Graffitti u Repubblika talbu għat-tkeċċija ta’ Johann Buttigieg. Issa ngħaqdet ukoll it-Times of Malta u sejjħet bħala “marda nazzjonali” lill-impunità li qed tagħti l-kenn lil dawn il-ħallelin.
Iżda ma’ wiċċ Robert Abela hemm ukoll pressjonijiet li ma jidhrux. M’għandux is-saħħa li jeħodha kontra Joseph Muscat. U Johann Buttigieg kien ħareġ għan-nofs kemm il-darba biex jipproteġi lil sidu.
Robert Abela irid mentalità ġdida.
Mentalità ġdida tal-2013.