Fil-ferneżija li jinsabu fiha biex jippruvaw jikkonvinċu lil tal-Moneyval li, minn stat tal-furbani, Malta saret teokrazija ħielsa mid-dnubiet, il-bieraħ Edward Zammit Lewis uriena l-pjanti ta’ maħżen igglorifikat li fih il-gvern bi ħsiebu jaħżen oġġetti lussużi meħudin minn idejn il-kriminali li jkunu akkwistawhom bi flejjes maħmuġin ġejjin minn attivitajiet illeċti.

Ir-rappurtar tat-Times of Malta jimmerita li jiġi premjat. Il-pjanti ta’ Edward Zammit Lewis semmewhom fl-istess kuntest li semmew ix-xogħol li wettaq l-Asset Recovery Bureau fis-6 snin li ilu jeżisti.

Dan il-Bureau s’issa rnexxielu jiġbor is-somma redikola ta’ madwar €3,000 li huwa ammont li jonfoq kuntrabandist f’xahar wieħed biex jixtri r-rubber bands li jkun jeħtieġ biex ikun jista’ jorbot flimkien it-torrijiet ta’ flus kontanti li jkun ġemma. S’issa l-ħidma tal-asset recovery kienet waħda li tqabbdek id-daħk. Dan il-Bureau kien inħoloq biex fir-rapporti li jibgħat lill-Kummissjoni Ewropea l-gvern ikun jista’ jgħid li jeżisti. Il-bużillis jinsab fil-fatt li dan il-Bureau m’għandux impjegati miegħu u l-liġi li ħolqitha m’hix qed tiġi applikata.

Malta hi pajjiż li fih Alfred u Ġorġ Degiorgio, minkejja l-fatt li uffiċjalment ilhom għexieren tas-snin reġistrati bħala persuni bla xogħol, jistgħu jkomplu jgawdu karrozzi u dgħajjes lussużi qishom m’humiex huma. Il-Pulizija tammetti li ilha b’għajnejha fuqhom għal diversi snin u li tissuspetta li dawn għandhom x’jaqsmu mal-kriminalità organizzata. Dawn jistgħu jilgħabu mijiet ta’ eluf ta’ flejjes f’imħatri lokalment u ma jkellimhom jew iwaqqafhom ħadd. Ħadd ma waqqafhom milli jisparaw fuq il-miri tagħhom, inkluż meta mmiraw fuq Daphne u qatluha.

Malta hi pajjiż li fih assassin li jikkopera mal-Istat lill-Pulizija jkellimhom dwar il-mijiet ta’ eluf  ta’ flus li tħallas biex joqtol numru ta’ persuni u li fih l-Istat ma jġiegħlux jirritorna dawn il-flejjes.

Malta hi pajjiż li fih il-gvern waqqaf pjanijiet li kellu biex jintroduċi l- unexplained wealth orders li kienu jtuh is-saħħa li jikkonfiska ġid li s-sidien tiegħu ma jkollhomx il-ħila jispjegaw kif ġie f’idejhom. X’kienet ir-raġuni wara t-twaqqif ta’ dawn il-pjanijiet? Twaqqfu għaliex hemm numru ta’ membri parlamentari nkwetati għax jafu li huma stess m’għandhomx il-ħila li jispjegaw kif akkwistaw ċertu ġid. Ma taħsbux li dan ikun suġġett interessanti għal xi ħadd sinjurun bħal Robert Abela?

Malta hi pajjiż li fih Ian Abdilla jinħatar bħala membru tal-bord tal-Asset Recovery Bureau (ħadd ma skanta b’dan), ma jkollux il-ħila li jġib riżultat wieħed li hu wieħed u, bħala ħlas, idendlulu midalja ma’ sidru bħala premju għal “servizz twil u effiċjenti”.

Qed jittamaw li dan kollu – nkluż il-pjanijiet għall-bini ta’ maħżen biex fih jitqiegħed ġid li għad irid jiġi konfiskat minn uffiċjali tal-infurzar li għad irid jiġu maħtura bis-saħħa ta’ liġijiet li għad iridu jiġu emendati u jidħlu fis-seħħ – għad jipperswadi lil tal-Moneyval biex ma jixħtux lil Malta fil-lista l-griża fejn għandhom x’jaqsmu s-servizzi finanzjarji. Wara kollox, x’aktarx li s-sistema finanzjarja dinjija tippreferi  temmen li Malta hi ġuriżdizzjoni li wieħed jista’ jorbot fuqha għaliex, jekk il-verità hi fil-fatt bil-maqlub, ikun jeħtieġ li jsiru bidliet mhux biss f’pajjiżna iżda anki f’pajjiżi oħrajn.

U minkejja dan kollu, xorta tibqa’ redikola għall-aħħar l-idea li jinbena’ maħżen fuq art pubblika bi flus il-poplu biex fih jinħażen ġid lussuż konfiskat minn idejn il-kriminali. Hi idea mill-aktar redikola għaliex f’pajjiżna l-biċċa l-kbira tal-flus maħmuġin jiġu ri-investiti f’artijiet u f’proprjetajiet lussużi. Dan huwa appuntu l-ġid li jmissu jiġi konfiskat. Il-ġid li jiswa’ b’kollox €3,000 li kkonfiskaw s’issa jistgħu faċilment jaħżnuh fil-kamra tas-sodda ta’ Yorgen Fenech fit-torri ta’ Portomaso.

Imma stennew ftit. Issa qed niftakar. Għadhom sal-lum lanqas biss ħasbu biex jikkonfiskaw il-ġid li nġabar grazzi għad-delitti kriminali li wettaq Yorgen Fenech. Li kieku kellhom jipproċedu biex jagħmlu dan, ibqgħu ċerti li l-power station tal-Electrogas f’kemm ilni ngħidilkom issir propjetà pubblika.

M’għandix l-iċken dubju li, x’imkien hemm, jeżisti wkoll xi maħżen li m’huwiex jiġi użat ta’ spiss.