Konna ilna nafu bil-ħadma li kienu ħadmu Keith Schembri u Adrian Hillman. Issa ilna nafu biha għal aktar minn 4 snin. Iżda llum il-Pulizija spjegat id-dettalji kollha tas-serqa li wettqu flimkien. Dak li kien imexxi l-kumpannija li hi sidt it-Times of Malta Vince Buhagiar u s-sieħeb fin-negozju ta’ Keith Schembri, Malcolm Scerri kienu wkoll kompliċi f’din il-ħadma.
Illum qed nifhmu aħjar il-ħadma li kienu ħadmu u min huma l-vittmi li din il-ħadma ħalliet warajha. Għaliex minn kull delitt kriminali – anki dak finanzjarju – jnixxi d-demm. Dawn l-erbgħa lkoll qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontra tagħhom u, m’għandniex xi ngħidu, jeħtieġ li nqisuhom innoċenti sakemm ma jinstabux ħatja.
Iżda għalissa ejjew naraw ftit biex qed tixlihom il-Pulizija.
Lill-kumpannija li hi sidt it-Times of Malta, Keith Schembri kien reġa’ bgħielha tagħmir tal-istampar biex b’hekk għamel profitt ta’ aktar minn €5 miljun mingħajr ma żied xejn fil-valur tal-istess tagħmir. Iżda, bil-għajnuna tal-“ħassiela tal-flus professjonali” tal-MFSP/Zenith u tan-Nexia BT bħala konsulenti, xaħħam liż-żewġ persuni li kienu jmexxu lill-kumpannija li hi sidt il-ġurnal u mela butu bil-miljuni biex seta’ jaħrab milli jħallas it-taxxa f’Malta. Mingħand it-Times of Malta bejniethom serqu mas-€6.5 miljun. Parti minn dawn il-flejjes serquhom mingħand il-poplu Malti: mingħand dawk li jeħtieġu edukazzjoni b’xejn, kura medika u għajnuna soċjali. Hekka tifel Laburist minn Bormla! Aħjar kiteb li r-regħba li għandu m’għandhiex limiti.
Il-ħaddiema li jaħdmu mat-Times of Malta llum reġgħu nfetħulhom il-feriti. Bosta kienu dawk il-kollegi li kienu tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-fatt li l-kumpannija ma setgħetx tkompli tħallashom. Il-ħaddiema li għad hemm kellhom isofru tnaqqis fil-pagi u kellhom ukoll jaħdmu aktar.
Vince Buhagiar u Adrian Hillman kienu wirtu kumpannija li kienet b’saħħitha finanzjarjament. Din il-kumpannija issa ilha erba’ snin sħaħ fl-għafja tal-mewt. U biex setgħet tkampa kienet kostretta li tbiegħ il-proprjetà li kellha fil-Belt Valletta, post li huwa legat storiku tal-istorja tal-ġurnal. Il-futur tat-Times of Malta m’huwiex garantit. Jien nista’ forsi nilmenta li, bħala kontributur regolari mas-Sunday Times of Malta – ġurnal bl-akbar ċirkolazzjoni – ma nitħallasx ta’ xogħoli. Iżda hawn min jaħseb li x-xogħol tal-kitba m’huwiex “xogħol” – mur għidilhom li dawn il-ġurnalisti, li ħobżhom jinsab f’kitbiethom mat-Times of Malta, għaddejjin minn tbatija kbira! Dawn il-ħaddiema jħobbu x-xogħol ġurnalistiku iżda l-familji tagħhom jixraq li jgawdu l-frott ta’ ħidmiethom u kellhom ikunu Schembri, Hillman, Scerri u Buhagiar li serquhom minn taħt ħalqhom u mbagħad rekknu l-ġid misruq f’xi gżira fil-Karibew. Dawk il-€5 miljun, Vince Buhagiar qieshom bħala ġid li seta’ jgawdi wara li jirtira. Adrian Hillman ra fihom is-sigurtà finanzjarja. U Keith Schembri flimkien ma’ Malcolm Scerri rawhom bħala preludju għal serqiet ferm akbar. Dawn l-erba’ rnexxielhom jeqirdu l-vijabilità ta’ waħda mill-aktar organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet importanti fid-demokrazija tagħna li hi wkoll entità li hi totalment indipendenti mill-gvern u minn kull kontroll tan-negozju. U mbagħad Keith Schembri kellu l-wiċċ sfiq li jdur fuq Jacob Borg u jgħidlu li s-salarju qed iħallasulu hu u għaldaqstant ikun aħjar jekk jagħlaq ħalqu.
Mil-lat ġurnalistiku dak li smajna llum huwa interessanti għaliex jista’ jagħtina stampa aktar ċara dwar dak li seħħ fejn għandha x’taqsam il-Crane Currency, fejn għandu x’jaqsam il-kuntratt tal-Vitals kif ukoll it-taħwid li seħħ fil-każijiet tal-Montenegro u tal-Electrogas. Sirna nafu aktar dwar il-mod kif ħallelin bħal Keith Schembri jistagħnew minn kuntratti bħal dawn u mbagħad jippruvaw jgħattu xturhom.
Iżda t-tkissir tat-Times of Malta sforz ir-regħba m’hix biss serqa fid-dawl tax-xemx. Hi wkoll attakk fuq iċ-ċiviltà tagħna. Matul l-aħħar gwerra, t-Times of Malta xorta waħda baqgħet tiġi stampata kuljum. Fi żmien Mintoff, kienet ukoll għajn ta’ reżistenza kontra t-tirannija tiegħu u ġiet stampata xorta waħda minkejja l-fatt li l-uffiċċji tagħha kienu ngħataw in-nar minn manigoldi tal-Labour. Niftakar rapporti dwar il-ġrajjiet tal-elezzjoni ġenerali tal-1987 meta kien għad kelli 11 il-sena, dwar id-dibattitu nazzjonali dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u dwar is-suċċessi u l-fallimenti ta’ dan il-pajjiż. Niftakar kif it-Times of Malta kienet dejjem fuq quddiem biex tgħarbel lill-politiċi b’ġustizzja u b’ċertu rispett lejn il-fatti.
U mbagħad tfaċċaw Keith Schembri, Vince Buhagiar, Malcolm Scerri u Adrian Hillman, serquha u bewġu ‘l barra l-flus li serqu.
Briganti lkoll kemm huma.