Bil-għan li jżomm lil tal-Labour imdendlin miegħu, ftit siegħat qabel ġie arrestat Keith Schembri ħabbar li l-inkjesta maġisterjali ma kienx rriżultalha li l-ħlasijiet li hu kien irċieva mingħand Brian Tonna permezz tal-Pilatus Bank kienu ġew mit-tixħim mill-bejgħ tal-passaporti. 

U llum il-Pulizija xehdet fil-qorti li, skont l-Maġistrat, ma nġabux biżżejjed provi li l-ħlasijiet li saru lil Keith Schembri mingħand Brian Tonna permezz tal-Pilatus Bank kien tixħim mill-bejgħ tal-passaporti.

Madankollu l-Pulizija għaddiet lill-qorti informazzjoni oħra li rriżultat lill-inkjesta maġisterjali, liema informazzjoni Keith Schembri konvenjentement ħalliha barra.

1. Brian Tonna kien bgħat flus ġejjin minn kummissjonijiet fuq bejgħ ta’ passporti lil Willerby Trading, kumpannija sigrieta tiegħu fil-British Virgin Islands (BVI). U kien għamel dan biex jevadi ħlas ta’ taxxa. Ħasel il-flus biex ma jkollux għalfejn iħallas taxxa. U bagħbas fl-accounts biex igħatti xturu.

2. Brian Tonna għadda s-somma ta’ €100,000 lil Keith Schembri f’kont fil-Pilatus Bank. Il-medda li għaddew minnha l-flus ma jispjegawx ċar u tond li dawn kienu mit-tixħim mill-bejgħ tal-passaporti. Iżda l-ħlas sar mill-istess kont tal-BVI li fih Brian Tonna ddepożita flejjes ġejjin mill-bejgħ tal-passaporti.

3. Brian Tonna u Keith Schembri kienu allegaw li permezz tal-ħlas ta’ €100,000, Brian Tonna kien radd lura lil Keith Schembri flejjes li kien silfu fiż-żmien li Tonna kien għaddej minn proċeduri ta’ divorzju ma’ martu. Il-Maġistrat inkwirenti din l-allegazzjoni ma emmnithiex għar-raġuni li l-kuntratt dwar is-self kien inkiteb biss wara li tal-FIAU talbuh mingħand il-Pilatus Bank. U għar-raġuni wkoll li Brian Tonna kien qed igħum f’baħar ta’ flus u ċertament ma kienx nieqes minnhom.

M’għandniex xi ngħidu, kemm Brian Tonna kif ukoll Keith Schembri qed jiċħdu l-akkużi li hemm kontrihom. Tgħid mhux ser jammettu?

Iżda kemm il-darba Keith Schembri jbenġilha li ma’ wiċċu għandu sensiela ta’ akkużi dwar “ħwejjeġ li kienu ġraw fl-2010” “taħt Gonzi” u b’riżultat tal-inkjesta dwar l-Allied Newspapers, ikun qed jipprova jidħak bik. Mhux veru li ma rriżulta xejn mill-inkjesta dwar it-tixħim fil-bejgħ tal-passaporti.

Mhux hekk biss. Mill-provi rriżulta wkoll li bħala ditta li tbiegħ il-passaporti, Nexia BT mexxiet in-negozju b’metodi kriminali: bgħabsu fl-accounts, għamlu ħlasijiet illeċti u ġabu ruħħom bħall-ħallelin.

Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-ritratt li ttieħed fl-2014 li kont rajtu għall-ewwel darba mehmuż ma’ rapport tat-Times of Malta li xxandar f’Settembru li għadda. Fih jidhru Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna. Fl-aħħar ġranet dawn ilkoll raqdu f’Kordin hekk kif il-qorti bdiet tisma’ x-xhieda dwar akkużi dwar attività kriminali li saru kontrihom.

Il-mara li tidher fir-ritratt hi Anita Aloisio. Sal-2017, din kienet imsieħba magħhom. B’ebda mod ma jirriżulta li din kellha xi involviment fl-attività kriminali li dawk li kienu msieħbin magħha jinsabu mixlija bihom. Nistgħu biss nassumu li, bejn is-snin 2014 u 2017, waqt li l-imseħbin tagħha kienu qed jiddepożitaw flejjes ġejjin minn skema governattiva fil-Karibew u waqt li d-ditta kienet qiegħda tħallas flejjes kontanti żejda lill-ħaddiema, hi qatt ma ssuspettat b’din l-attività kriminali minkejja li din kienet qed iseħħ taħt imneħirha.

Xogħol din bħalissa jikkonsisti fit-tmexxija ta’ bord li jissorvelja l-aġenzija tal-gvern li tbiegħ il-passaporti.

B’dan il-mod qiegħdin nuru lid-dinja s-serjetà li bih qed titmexxa l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti!

Mela kien għalhekk li llum fil-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba werżaq b’kemm kellu saħħa li jinsab kburi li l-istituzzjonijiet f’Malta qiegħdin jaħdmu.

Iżda baqa’ ma qalx dawn l-istituzzjonijiet b’liema għodda qed jaħdmu.