L-elezzjoni ġenerali hi aktar viċina milli wieħed jaħseb u jekk jirnexxielhom iżommu lill-poplu aljenat, x’aktarx jirbħu tal-Labour.

Il-messaġġ li qed jippruvaw jibgħatu lil dawk li jinsabu nkwetati bil-kriminalità u bil-korruzzjoni hi li tal-Labour qed jinbidlu. Ċertament din mhux kulħadd qed jiblagħha. Iżda m’għandux għalfejn jiblagħha kulħadd. Tal-Labour kulma għandhom jagħmlu hu li jikkonvinċu lil dawk li huma grati “għall-affarijiet tajbin li għamlu” bħal, per eżempju, l-konverżjoni ta’ xi kantina ta’ xi dar fi xmara ta’ flus għal xi inkwilin biljunarju li għandu passaport Malti.

U għall-bqija, jkun jeħtieġ li dawn ma jitħallewx jaħsbu żżejjed dwar il-korruzzjoni. Hemm diversi modi dwar kif dan jista’ jseħħ u, fiċ-ċirkostanzi preżenti, jidher li din hi t-triq li bi ħsiebhom jaqbdu.

L-ewwel. Il-ħolqien tal-konfużjoni. U ma tridx wisq biex toħloqha fid-dawl tal-fatt li fin-nofs hemm konġuri ta’ kumplessità kbira. Hi tat-tkexkix il-konġura biex iseħħ assassinju b’numru kbir ta’ persuni kompliċi. Iżda dawn jidher li bi ħsiebhom jixħtu lil min qiegħed il-bomba l-ħabs u mbagħad jippruvaw jieħdu l-mertu li saret ġustizzja. U mbagħad ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jħabblu rashom dwar il-mandanti u dwar l-imħuħ wara t-twettiq tad-delitt.

Iżda wieħed ma jista’ qatt jipparaguna konġura li twassal għal assassinju ma’ konġura li twassal għall-ħasil ta’ flus maħmuġin. Dawn bi ħsiebhom jitimgħu lill-poplu b’mapep kumplessi li jorbtu flimkien lill-Karibew, lil Lvant Nofsani u lil Lvant Imbiegħed sakemm l-istess poplu jibda’ jitfixkel u jitħawwad u jispiċċa jitlef l-interess.

Innutajtu kif in-nies jagħtihom tal-qamar meta jaqa’ xi saqaf fuq ras xi mara mill-Ħamrun (u sewwa jagħmlu), iżda jibqgħu qishom m’humiex huma meta xi terremot joqtol mat-3,000 ruħ fl-Amerika Latina?

Din m’hi xejn ħlief l-etika tal-viċinanza. In-nies tixxokkja ruħħa hi u taqra aħbar dwar raġel mingħajr saqaf fuq rasu li jisraq landa tonn taż-żejt minn ħanut. Iżda jkun qiesu ma ġara’ xejn – anzi hu ħaġa li ta’ min jammiraha – meta taqra’ li Keith Schembri ħeba’ flus il-poplu fil-British Virgin Islands wara li jkun għaddihom minn Baku, minn Hong Kong u mid-Dubaj.

L-importanti hu li n-nies m’għandhiex biżżejjed żmien biex tintebaħ li, qabel flusha spiċċaw fil-Karibew, dawn insterqu minn bwietna kull darba li ħallasna xi ftit aktar fuq il-kont tad-dawl.

Allura lin-nies bilġri jgħidulha li l-kuntratt tal-Electrogas kien għall-ġid tagħhom stess, ma tmurx tiġġennen u terġa’ lura għall-kontijiet għoljin ta’ żmien in-Nazzjonalisti. Wara kollox, in-nies tiftakar kemm tassew kienet tħallas għad-dawl taħt in-Nazzjonalisti? Żgur li le.

Fl-aħħarnett bi ħsiebhom jaljenaw lin-nies b’diskors dwar ħwejjeġ oħra. U jekk ma jkunx hemm qbil, tant aħjar. L-argument jibda’ jiġġebbed u n-nies ma tibqax tiffoka fuq dak li hu tassew importanti. Tippreferi li ikun hemm min ma jaqbilx miegħek dwar il-kultivazzjoni tal-ħaxixa milli dwar il-kenn u l-protezzjoni li tkun tajt lill-qattiela u lill-ħallelin? Bla dubju.

Din ma tkun xejn ħlief mgħodija klassika tan-nies biż-żmien.

U jekk dan ma jkunx biżżejjed, ġiegħel lin-nies titħaddet dwar l-abort biex b’hekk jinbidel is-suġġett.

Dawn ma jridux lin-nies tiffoka fuq l-fatt li gvern sħiħ ta’ Joseph Muscat jinsab fl-iżbarra. Allura jagħmlu minn kollox biex jaljenaw. Sakemm imbagħad ifaqqgħulna d-data tal-elezzjoni.