Araw ftit kif min jgħola żżejjed, jispiċċa biex ilaqqat tisbita kbira. Dak li kiteb Keith Schembri llum fil-Facebook hu tal-mistħija. Fil-ġranet li ġejjin ser jitkaxkar lejn il-qorti u ser jiġi mixli b’farka żgħira ta’ dak kollu li huwa responsabbli għalih. Iżda minn x’imkien jeħtieġ li nibdew. U x’aktarx jidher li ser nibdew.

Iżda anki Keith Schembri xi drabi jista’ jkollu raġun. Illum kellu raġun jilmenta li l-akkużi li ser jiffaċċja huma msejsin fuq il-konklużjonijiet ta’ nkjesta li damet għaddejja erba’ snin sħaħ. Mingħajr ma nuri ebda solidarjetà ma’ dak li fl-imgħoddi kellu f’idejh saħħa politika kbira, ma nistax ma naqbilx li l-provi li hemm messhom li wasslu biex ittella’ l-qorti żmien twil ilu. Mhux għaliex Keith Schembri kellu joqgħod jistenna’, iżda għaliex kellna noqgħodu nistennew aħna.

Kif kien qallu Simon Busuttil dakinhar li tela’ l-qorti, b’turrun ta’ kaxxi “vojta” f’idejh mimlijin provi, Keith Schembri qatt ma kien messu daħal għall-ħajja politika. Dan kompla fil-ħajja pubblika sa Novembru 2019 minkejja l-fatt komplew joktru l-provi kontra tiegħu.

fil-Facebook, Keith Schembri beda’ l-kitba tiegħu b’gidba sfaċċata. Dan kiteb li fl-2019, dakinhar li warrab, stenna li ser ikollu l-ħin kollu biex igawdi l-familja u n-negozji tiegħu. Tad-daħk……jekk mhux ukoll tal-biki. Ma min jaħseb li qed jitħaddet? Jaqaw jaħseb li ħadd ma jiftakar iċ-ċirkostanzi li fihom kien warrab?

Keith Schembri kien warrab madwar sagħtejn qabel ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Mal-medda taż-żmien u b’sorpriża għal bosta, ma baqgħax taħt suspett hekk kif tfaċċat ittra indirizzata lil Yorgen Fenech – li hu ċaħad li kien kiteb – li tqieset mill-Pulizija bħala prova li ma kienitx biżżejjed biex seta’ jiġi mħarrek. Jew aħjar, dak iż-żmien hekk kienet tqieset minn Lawrence Cutajar, li issa huwa stess jinsab taħt il-lenti ta’ nkjesta kriminali b’rabta mal-każ.

Madankollu l-ħsara politika kienet leħqet saret. Keith Schembri jibqa’ legalment innoċenti sakemm jinstab ħati. Iżda mil-lat politiku, l-arrest tiegħu b’rabta mal-assassinju ta’ ġurnalista u l-mod kif kien “sparixxa” l-mobile tiegħu u qatt ma nstab, ma jistgħu qatt jinfatmu minn mar-riżenja tiegħu.

Keith Schembri ma kienx warrab għaliex xtaq igawdi aktar il-familja u n-negozji tiegħu. Kellu jwarrab dakinhar li xhud tal-prosekuzzjoni xehed li Yorgen Fenech kien qed jiġi mitmugħ informazzjoni li kien sar jaf biha Keith Schembri bħala chief of staff tal-prim ministru.

Skont Keith Schembri, ħajtu qabdet in-niżla dakinhar li kien ġie arrestat. Issa ħass il-ħtieġa li jilgħabha tal-vittma sabiex iqanqal is-simpatija. U mill-għajjat tan-ngħaġ li ta’ spiss issibhom jimirħu fil-paġna tal-Facebook tiegħu, bosta huma dawk li jitħassruh.

Milli jidher “in-namberwan ta’ Malta”, “ta’ fuq ix-xiħ” u dak li kien iriegħed lill-Ministri, issa jrid jitpinġa bħala l-vittma tal-persekuzzjoni tal-istat.

M’għandniex xi ngħidu, t-tisbita li ħa damdmitu. Qerdu l-fatt li ma setgħax jibqa’ jimpjega mal-gvern lil min kien kompliċi fi qtil. Ma niżżilhiex li ma setgħax jibqa’ jagħmel l-arja mal-kapijiet tal-Pulizija u mal-assistenti tagħhom. Iqisu bħala umiljazzjoni l-fatt li l-liġijiet issa qed igħoddu wkoll għar-re tal-impunità li għadu sal-lum jgħaddiha lixxa dwar l-iskandlu tal-Electrogas.

F’kitbietu, Keith Schembri spara twissija. Minkejja li ser ikun fl-iżbarra, il-ġustizzja għadha ferm il-bogħod. U dan għaliex Keith Schembri bi ħsiebu jissielet biex tibqa’ ma sseħħx il-ġustizzja li tant tistħoqqlu. Għalih, il-liġijiet li jgħoddu għal ħaddieħor, m’għandhomx jgħoddu għalih ukoll.

Fil-kitba li tella’ fil-Facebook, tella’ wkoll ritratt ta’ folla kbira ħafna ta’ partitarji Laburisti. Ritratt li jfakkrek fil-loġika ta’ Robert Musumeci dwar it-tifsira tas-saltna tad-dritt, fl-inkejja ta’  “erbgħin elf, ħi” segwiti minn tużżana emoji ta’ lumi.

Ippermettuli nispjega. Iżda l-ewwel jeħtieġ li ngħarblu l-qofol ta’ dak li kiteb Keith Schembri.

Beda’ biex kiteb li sar jaf li l-inkjesta dwar il-€100,000 li Brian Tonna kien iddepożitalu fil-Pilatus Bank “ma kienux ġejjin mit-tixħim” b’rabta mal-bejgħ tal-passaporti lil sinjuruni Russi. Ċertament ma kellniex insiru nafu dan kollu mingħandu. L-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin hi skema mnedija mill-Istat. Aħna, bħala ċittadini, kien jistħoqqilna li nsiru nafu dwar jekk xi ħadd kienx qed jixxaħħam bis-saħħa tal-Iskema. U jekk hemm xi ħadd li jridna nemmnu li l-€100,000 fil-Pilatus Bank ma kienux ġejjin mit-tixħim, ikun jeħtieġ li jgħaddilna spjegazzjoni alternattiva li jkollna l-ħila li nifhmuha. Ħadd m’għadu fehem. U ħadd m’hu ser jifhem.

L-akkużi li Keith Schembri ser ikollu ma’ wiċċu huma marbutin mar-relazzjoni li huwa kellu ma’ Adrian Hillman, bniedem li kien imexxi l-kumpanniji sidien tat-Times of Malta. L-istess bniedem li, wara li tkeċċa minn mal-istess ġurnal, tqabbad jaħdem minn Keith Schembri f’diversi impjiegi fis-settur pubbliku.

Kien hawn, kif ngħidu bil-Malti, li Keith Schembri spiċċa biex inqela’ b’żejtu.

F’kitbietu Keith Schembri fetaħ attakk fuq l-esperta tal-qorti li għenet lill-Maġistrat tal-inkjesta marbuta mal-iskandlu tal-Allied Newspapers. Skontu din hi ħatja ta’ tliet delitti li ma jistgħux  jinħafru: hi mara, hi barranija u kienet attiva f’partit politiku f’pajjiżha li m’huwiex il-Partit Laburista ta’ Malta. Għaldaqstant ma tistax tkun ħlief mara giddieba.

Issa stennew li ser titfaċċa marmalja simili għal dik li ppersegwitat lil Maria Efimova u li ġiegħlitha titlaq mill-pajjiż. Din hi r-raġuni l-għala ma semmejthiex b’isimha. Barra min dan, ċertament mhux ser inkun jien li b’xi mod nasal biex inservi ta’ staffa għall-interessi ta’ Keith Schembri. Din il-mara qatt ma kont naf x’jisimha qabel Keith Schembri għoġbu jsemmiha fil-kitba tiegħu.

L-ironija hi li Keith Schembri huwa nkazzat għall-fatt li, fir-rapport tagħha, din l-esperta tal-qorti kitbet – ir-rapport ma xxandarx u għaldaqstant ma qrajtux kif jidher li qrah Keith Schembri – li l-iskema li kien ħoloq Keith Schembri mal-kumpanniji tat-Times of Malta x’aktarx inħolqot biex tagħti palata lill-Partit Laburista.

Skont Keith Schembri dan juri li l-iskandlu tal-Progress Press m’hu xejn ħlief konġura maħluqa mill-“establishment Nazzjonalista”. Kiteb li n-negozju mat-Times kien seħħ qabel l-elezzjoni tal-2013 u li tal-“establishment” ma jifilħux jaraw tifel Laburist minn Bormla jirbaħ kuntratt.

Kiteb ukoll li tal-“establishment” ma kienu ser jaċċettaw qatt li kien hu li rnexxielu li “jibni pont mat-Times of Malta biex b’hekk dawn jibdew jisimgħu dak li kellu x’igħid il-Partit Laburista”.

Stenna ftit. M’għadekx kemm ktibt li l-esperta tal-qorti vvintat l-istejjer meta fir-rapport tagħha kitbet li l-kuntratt li kont innegozjajt ma’ Adrian Hillman kien intenzjonat biex jagħti palata lill-Partit Laburista? Kif allura mbagħad tikkonferma li l-“persekuzzjoni” fil-konfront tiegħek hi msejsa fuq il-palata politika li ngħatat lill-Partit Laburista? Għandi nifhem li kien messek kellimt lill-avukati tiegħek qabel iddeċidejt li tħarbex dwar dan il-każ fil-Facebook, Sur Keith Schembri.

M’intix intelliġenti daqskemm bosta jaħsbu li int.

Id-delitti li wettaq Keith Schembri la huma msejsin fuq il-ġlieda tal-klassi, la huma r-riżultat ta’ persekuzzjoni u lanqas m’huma ser jiġu ġudikati skond id-daqs tal-folla li għandu l-ħila li jgħaqqad il-Partit Laburista biex jingħata l-appoġġ.

L-inkwiet li jinsab fih Keith Schembri, stiednu b’idejh. U b’idejh biss.

Ċertament huwa rilevanti l-fatt li l-kwistjoni dwar Allied Newspapers seħħet qabel l-2013 għaliex dan isaħħaħ ix-xiljiet politiċi u storiċi kontra Joseph Muscat u r-reġim li huwa mexxa. Dan il-fatt jiċċara dak li tassew ried ifisser Joseph Muscat meta, waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ddefenda l-għażla ta’ Keith Schembri bħala chief of staff: ma riedx social worker bħal ma kellu Lawrence Gonzi iżda “negozjant” li jkollu l-ħila li jxaħħam u jhedded biex iservi l-interessi tal-Partit Laburista.

Iva, tat-Times of Malta kienu taw widen lill-gideb ta’ Joseph Muscat. U bosta kienu dawk li ddispjaċihom meta ntebħu li, fost ħafna tbissim, kien qed iħejji biex joħloq kumpanniji sigrieti fil-Panama.

Jekk issa Keith Schembri beda’ jeqred fuq id-destin kiefer tiegħu, stennew aktar kitbiet fil-Facebook fil-ġejjieni.

Keith Schembri għad irid iħallas ta’ għemilu dwar l-iskandli tal-Panama Papers u tal-Electrogas u għal sehemu – kien x’kien – fl-assassinju ta’ Daphne, xejn xejn għall-fatt li kien hu li għadda informazzjoni lill-qattiela f’attentat biex dawn igħadduha lixxa.

Meta fl-2019 int warrabt, int kont taf x’għad trid tara ma’ wiċċek. Aħna ser niżguraw li int tieħu dak li ħaqqek.

Illum ħadd ma jrid jaf bik.

Kulħadd jaf x’issarraf.