Dalgħodu l-prosekuturi talbu lill-Qorti sabiex ir-regolatur dwar is-servizzi finanzjarji jiġi nfurmat li s-Sibt li għadda tħarrku numru ta’ kumpanniji awtorizzati mill-Malta Financial Services Authority (MFSA) biex jipprovdu servizzi finanzjarji u li ġew mixlija b’ħasil ta’ flus maħmuġin.
Il-Qorti qablet ma’ din it-talba u ordnat li tiġi nfurmata l-MFSA.
Wieħed jistenna li, sa fl-aħħar, l-MFSA issa għandha tirtira l-liċenzja ta’ dawn iċ-ċarlatani li (għalkemm mill-lat kriminali jibqgħu kunsidrati innoċenti sakemm ma jiġix pruvat li huma ħatja) ma messhom qatt ingħataw ir-riħ biex jidħlu għal dan il-kwalità ta’ negozju.
Bil-fatt li dawn tħallew joperaw, weħlu magħhom ukoll dawk li dejjem imxew mal-liġijiet, u fil-proċess għamlu ħsara kbira lill-industrjia kollha u pperikolaw l-impjieg ta’ eluf ta’ ħaddiema li m’humiex jaħdmu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji biex jaħbu l-flus maħmuġin ta’ Keith Schembri jew ta’ ħaddieħor.
Il-fatt waħdu li r-regolatur finanzjarju jeħtieġ notifika formali mill-qorti biex jintebaħ li kumpanniji liċenzjati minnu jinsabu mixlija fi frodi u ħasil ta’ flus maħmuġin jirrifletti ħażin fuq il-kwalità ta’ għassa finanzjarja li għandna.
Għandi ngħid li jien ma skantajtx. Lanqas li b’taż-Zenith semgħu bihom f’dawn il-ġranet biss. Jaqaw tal-MFSA kienu fil-qamar?
Possibbli ħadd mill-MFSA m’hu lest li jerfa’ r-responsabbiltà għal dan it-taħwid kollu?
Fil-Parlament il-bieraħ il-Prim Ministru qal li tal-PN qed jaqilgħu l-ħama biex jinfluwenzaw ir-rapport tal-Moneyval.
Tassew Sur Prim Ministru? Tgħid tal-MFSA għandhom bżonn xi palata biex jagħmlu dan?