Il-Qorti llum ċanfret lill-Pulizija talli din kienet ħarrket lil Toni Debono, r-raġel tal-eks ministru għal Għawdex Giovanna Debono. Dan kien każ li kellu jservi ta’ prova għal-liġi l-ġdida dwar il-whistleblower. Fl-2015, il-gvern kien ta l-immunità lil kuntrattur li allega li kellu jieħu flus mingħand il-gvern għal xogħlijiet li, skont hu, kienu saru f’proprjetà privata. Skont dan il-kuntrattur, Toni Debono kien wiegħdu li kellu jitħallas minn fondi pubbliċi. Lil dan ix-xhud, li bħala avukat kellu lil Robert Abela llum prim ministru, l-Qorti m’emmnitux. Kien Ian Abdilla l-uffiċjal tal-pulizija li nvestiga l-każ u li kien ħarrek lil Toni Debono fil-qorti. Il-Maġistrat Neville Camilleri llum ikkritika lil Ian Abdilla u lid-dipartiment li jmexxi talli dawn naqsu li jinvestigaw sewwa dak li kien qed jallega x-xhud Joseph Cauchi. Ġaladarba Joseph Cauchi ma ġiex emmnut meta allega li Toni Debono kien wiegħdu li jħallsu l-gvern għal xogħol privat, dan ma jistax ħlief ifisser li Joseph Cauchi kien qed jipprova jisraq lill-gvern (issa gvern Laburista) u jġiegħlu jħallsu għal xogħol privat li huwa kien wettaq.
U l-għorrief li hemm fil-gvern illum waqgħu fin-nasba u lil dan l-imbierek tawħ sensiela ta’ xogħlijiet pubbliċi wara li dan tlibbes il-mantell ta’ whistleblower. Waqgħu fin-nasba għaliex b’hekk riedu jagħtu forma ta’ kredibilità lill-allegazzjonijiet li kienu għamlu dwar korruzzjoni li suppost seħħet qabel is-sena 2013.
Is-sentenza li ngħatat illum ta’ min isemmiha fl-istess kuntest tad-deċiżjoni li tat dan l-aħħar il-Kummissjoni dwar il-Korruzzjoni fis-sens li ma kien instab “ebda dell ta’ korruzzjoni” fil-każ tax-xiri tal-power station tal-BWSC.
Huwa appuntu taħt dawn l-akkużi foloz dwar korruzzjoni li tal-Labour qed jippruvaw jistkennu biex jiddefendu ruħħom mill-iskandli ta’ korruzzjoni li issa ilhom jifnu lilll-pajjiż mill-2014 ‘l hawn. Jien naqbel li l-whistleblowers għandhom jingħataw il-protezzjoni kollha li jkunu jeħtieġu. Iżda ma naqbilx li xhud bħal dan għandu jgawdi finanzjarjament għaliex b’hekk isseħħ travestija tal-ġustizzja speċjalment jekk ikun il-gvern stess li jagħmel dawn il-ħlasijiet. Il-gvern għandu jxandar il-lista tal-kuntratti kollha li ngħataw lil Joseph Cauchi mill-2015 ‘l hawn u għandu jindika r-raġunijiet għaliex proprju kien ingħażel hu biex iwettaq dawn ix-xogħolijiet.
M’għandhiex xi ngħidu, kull kuntratt pubbliku li ngħata direttament lil Joseph Cauchi mill-2015 ‘l hawn seta’ serva ta’ paraventu biex jitgħatta x-xiri ta’ xhud. U xi ħadd jeħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà għal dan l-iskandlu.
Aħsbu ftit. Ftit xhur ilu, quddiem l-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Ian Abdilla qala’ ċamata talli dan kien naqas li jieħu passi kontra politiċi dwar korruzzjoni minkejja l-fatt li kellu l-provi f’idejh. Ftakru wkoll li kien biss wara li Ian Abdilla tneħħa mid-dipartiment tal-kriminalità ekonomika li Keith Schembri ttella’ l-qorti mixli b’delitti li twettqu qabel żmien Abdilla. Iżda biex jaqdi l-interessi tal-gvern li ried ibellagħha li n-Nazzjonalisti kienu korrotti, għamel bħall-qattusa għaġġelija u ħarrek lil Toni Debono.
Mill-2015 l’ hawn il-koppja Debono me setgħetx issiefer mill-pajjiż, il-passaporti tagħhom ittieħdulhom u ġidhom ġie miżmum. Barra minn hekk Giovanna Debono kellha tirtira mill-politika u ppruvaw jumiljawha wara snin twal ta’ servizz pubbliku. Issa x’għandha tagħmel Giovanna Debono? Tgħid għandha ssejjaħ konferenza stampa u tixli lil Joseph Muscat u lill-gvern tiegħu bl-akbar gidba fl-istorja politika Maltija? Fil-każ tagħha, din il-gidba nkixfet bis-saħħa ta’ proċess ġudizzjarju u mhux bis-saħħa ta’ nkjesta li t-termini ta’ riferenza tagħha nkitbu speċifikament minn Joseph Muscat. Li kieku Giovanna Debono u żewġha kienu korrotti tassew, kien ikun jistħoqqilhom li jiġu kastigati. Iżda filwaqt li Peter Grech, Lawrence Cutajar, Silvio Valletta, Ian Abdilla u l-bqija kienu ddeċidew li ma setgħux jiskomodaw lil Brian Tonna billi jissekwestrawlu s-servers tal-kompjuter tiegħu meta kien inkixef l-iskandlu tal-Panama u sirna nafu li dan kien ħoloq kumpanniji sigrieti għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi, lil Toni Debono bilġri tellgħuh il-qorti u xlewh b’akkużi msejsin fuq l-allegazzjonijiet ta’ Joseph Cauchi. U jidher li lil dan Cauchi ma seta’ jikkoroborah ħadd.
Araw ftit x’periklu jeżisti meta jkun il-gvern biss li jiddeċiedi dwar min għandu jxidd il-mantell ta’ whilstleblower u min dan il-mantell m’għandux ixiddu. Jonathan Ferris u Maria Efimova ma ngħatawx il-permess ixiddu dan il-mantell u sal-lum għadhom fil-periklu li jintbagħtu l-ħabs għaliex għandhom il-ħila li jixhdu kontra politiċi Laburisti.
Iżda, mill-banda l-oħra u b’kuntrast, l-allegazzjonijiet li kien għamel Joseph Cauchi dwar ħlasijiet minn fondi pubbliċi għal xogħol privat – allegazzjonijiet li minnhom infushom kienu diġà neqsin mill-kredibilità – ngħataw widen sħiħ mis-sistema tal-whistleblower tal-gvern.
Biex jiddefendu l-ħallelin li hemm jiġru ma’ saqajhom u fl-istess waqt jippersegwitaw persuni minn naħa tal-oppożizzjoni, dawn ma jaħsbuhiex darbtejn biex jgħawwġu l-liġijiet.
Tabiħaqq qed ngħixu f’saltna tal-ħallelin u tad-delinkwenti.