Edward Zammit Lewis imissu jmur jinħeba. Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat li nġibed fl-2019 u li xxandar fuq l-istazzjon tal-partit tiegħu. Illum il-Ġimgħa l-Kbira u suppost qiegħed issum u timmedita dwar dnubietek: għaldaqstant issaporti ftit dak li ser tara u tisma’ għal 3 minuti sħaħ u ibqa’ ċert li nhar il-Ħadd li ġej iż-żmien li tkun ħlejt jiswewlek bħala indulġenza għal dnubietek.

Fil-filmat Edward Zammit Lewis jinstema’ jfaħħar bla qies lil Keith Schembri. Isimgħuh ftit: mhux ta’ b’xejn Simon Busuttil ma jaħmilx lil Keith Schembri – għax iċ-ċansijiet politiċi li kellu Busuttil, Schembri għamilhomlu suf; dak li qed jagħmel fil-qorti Simon Busuttil mhux biss huwa negattiv iżda wkoll arroganti; Simon Busuttil qed jipprova jreġġa’ lura riżultati elettorali konsistenti; u issa qed jipprova jreġġa’ lura sentenzi tal-qorti li ċaħdulu t-talbiet tiegħu biex isiru l-inkjesti. Kemm hu diżgustanti Simon Busuttil, qalilna. Kemm m’għandu xejn x’jaqsam miegħu Keith Schembri.

Hu u jitkellem b’dan il-mod, lil Zammit Lewis stħajjiltu qiesu dak is-surmast tal-iskola li fir-rapport dwar l-istudent tiegħu Albert Einstein kiteb li dan tal-aħħar ma kien ser jasal imkien fil-ħajja. Jew kien qiesu dak il-produttur li għalaq il-bieb f’wiċċ il-Beatles għaliex il-kitarristi f’banda deherlu li m’għadhomx moda.

Edward Zammit Lewis kien żelaq fin-niexef.

Aktar ma nsegwu dan il-filmat bir-reqqa, għandna nintebħu li Edward Zammit Lewis hawn qiegħed jixli lil Simon Busuttil li sfida l-liġijiet u li jekk dan kellu joqgħod għas-“saltna tad-dritt” u mal-“libertajiet ċivili”, ser ikollu jsodd ħalqu dwar Keith Schembri, jew inkella ser ikollu jissieħeb mar-reliġjon li tqimu bħala alla.

Dan m’hu xejn ħlief qlib ta’ taħt fuq tal-iskopijiet tal-liġi. Iżda mhux biss. Issa li qed nisimgħu lill-pulizija tispjega l-provi li qed tressaq fil-qorti kontra Keith Schembri, Edward Zammit Lewis għamel użu tas-setgħa politika tiegħu fuq il-mezzi tax-xandir tal-partit tiegħu biex jagħti l-kenn u jipproteġi lil dak li s’issa għadu jissejjaħ bħala “allegat ” kriminal – dan għaliex il-proċeduri kriminali kontra tiegħu fil-qorti nbdew 5 snin wara kien messhom inbdew.

Edward Zammit Lewis huwa l-ministru tal-ġustizzja. Ir-rwol politiku li għandu m’huwiex kompatibbli mal-attentat sfaċċat tiegħu biex jagħti l-kenn lil kriminal u biex iqarraq bil-poplu dwar x’messu għamel l-Istat – u mhux Simon Busuttil biss – dwar il-provi li kien hemm kontra Keith Schembri.

Edward Zammit Lewis qed jittama li l-elettorat Malti m’huwiex ser jiġġudikah b’mod aħrax u li fl-elezzjoni li ġejja jikkonferma lilu u lill-partit tiegħu fis-setgħa. Għandha mnejn li tiġih żewġ.

Jista’ jagħti l-każ ukoll li jiġi jaqa’ u jqum dwar kif ser tiġġudikah l-istorja. L-istorja m’hix ser tiġġudikah dwar kemm il-darba fekren madwar is-suq ta’ Birkirkara. Iżda jista’ jibqa’ ċert li l-istorja ser tiġġudikah dwar ir-rwol tiegħu fl-akbar ġidba fl-istorja politika Maltija. Qisu dak ix-xufier li jħarrab lill-ħallelin mill-post tas-serqa. U qisu wkoll dak il-baħnan li jkun mgħoxi bid-daħk waqt li l-ħitan ta’ madwaru jkunu qed jiġġarrfu.

Forsi llum, jew forsi aktar tard, il-qamar fil-bir ser jarah ukoll.