Din li ġejja, oħra.

Segwu dan il-filmat li nġibed ftit qabel l-elezzjoni tal-2017 u li fih tidher Miriam Dalli tixħet il-ħtija tal-partit tagħha u tal-mexxej tal-partit tagħha għal fuq spallejn Simon Busuttil.

Din tinstema’ tgħid li Simon Busuttil jibla’ dak kollu li jbellgħulu. Issejjaħlu bħala bniedem superfiċjali għaliex ma’ jiċċejkkjax il-fatti. Għajjritu bniedem giddieb li jfajjar akkużi foloz kontra persuni innoċenti bit-tama li dawn jeħlu u jitwemmen.

Dan id-diskors seħħ f’dik il-ġimgħa stess li fiha Simon Busuttil kien tela’ t-taraġ tal-bini tal-qorti flimkien ma’ kollegi u assistenti tiegħu li lkoll kienu mgħobbijin b’nofs tużżana box files mimlijin bil-provi. U hekk kif ħareġ mill-bini tal-qorti, Simon Busuttil spjega li kien għadda d-dokumenti lill-qorti biex jipprova li Keith Schembri kien ħasel flejjes maħmuġin f’żewġ transazzjonijiet: waħda flimkien ma’ Adrian Hillman u l-oħra flimkien ma’ Brian Tonna.

Il-mazzun ma kien ħadd ħlief Miriam Dalli. Kienet proprju hi li emmnet dak li qalilha Joseph Muscat li l-‘box files kienu vojta’. U tassew trid tkun mazzun biex temmen dan il-gideb u tibilgħu. Li kieku Simon Busuttil tassew għadda salt box files vojta lill-qorti, ibqgħu ċerti li l-Maġistrat kien isibu ħati ta’ disprezz lejn il-qorti u jwaħħlu multa.

Is-superfiċjalità wrietha Miriam Dalli. Minflok belgħet dak li bellgħalha Joseph Muscat, kien messha ċċekkjat il-fatti hi stess. Il-fatti juru li kien il-Maġistrat stess li ddikjara li kellu biżżejjed dokumenti u provi f’idejh biex seta’ jiftaħ inkjesta. Iżda l-verità li Miriam Dalli rat b’għajnejha injoratha u minflok għażlet li temmen lil Joseph Muscat.

Miriam Dalli gidbet. Lil Simon Busuttil xlietu b’mod falz li ‘vvinta’ jew li ‘emmen l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni’ kontra Keith Schembri. U gidbet dwar Simon Busuttil meta xlietu li hu giddieb.

Issa stennew li Miriam Dalli ser tagħmel minn kollox biex iżżomm ruħħa ‘l bogħod minn Keith Schembri. U dalwaqt ser ikun imissu Konrad Mizzi. U xi darba ser ikun imissu wkoll saħansitra Joseph Muscat. Ibqgħu ċerti li ser tgħid li hi qatt ma kellha x’taqsam magħhom u ser tipprova tnessikom dak li diġà tafu dwar l-imġieba tagħha tal-imgħoddi. Ara ma tmorrux taħsbu li din ser terfa’ r-responsabbiltà talli gidbet lill-partit tagħha u lill-elettorat Malti.

Iżda jkun tajjeb li wieħed jiftakar u għaldaqstant inħeġġiġkom issegwu l-filmat li ġej.