Hekk stqarr darbtejn illum fil-qorti d-Deputat Avukat Ġenerali fil-proċess kriminali kontra Yorgen Fenech.
Diskors bħal dan ta’ min li wieħed jixtarru.
Kif spjega llum l-Ispettur Keith Arnaud, ir-rimarka li kien għadda l-Kummissarju Angelo Gafà dakinhar li kienu ġew arrestati l-aħwa tal-Maksar u Jamie Vella, ma tistax ħlief tinftiehem li l-Pulizija għad għandha għalxiex tibqa’ tinvestiga biex tikxef kull min kien imdaħħal fil-konġura dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan huwa importanti. Għaliex il-ġustizzja li jistħoqq li ssir ma’ Daphne u mal-pajjiż, ma’ tistax isseħħ qabel jinġabar, jiġi proċessat u jgħaddi ġuri kull min kien imdaħħal fit-twettiq tad-delitt.
Xandart din il-kwotazzjoni minħabba l-kuntest tar-rimarki li għadda d-Deputat Avukat Ġenerali. Dan kien qed jipprova jipperswadi lill-qorti li Yorgen Fenech m’għandux jingħata l-libertà provviżorja.
Philip Galea Farrugia llum wera’ li ma kienx lest li jittollera l-ħmerijiet. Wera’ li d-diskors li ngħad fis-sens li, f’Novembru 2019, mhux minnu li Yorgen Fenech ried li jaħrab mill-pajjiż u li kellu biss bl-intenzjoni li jieħu l-lanċa tiegħu għat-tiswija (minkejja li ħa miegħu ukoll balla ta’ flus kontanti). m’huwa xejn ħlief diskors fieragħ.
Il-prosekutur qara’ numru ta’ messaġġi li għaddew bejn Yorgen Fenech, ħuħ, zijuh, il-kaptan tal-lanċa u ħbieb li għandhom il-mezzi biex joħorġuh mill-pajjiż u li jaħrab mill-ġustizzja. Dawn huma l-persuni li stennew li Yorgen Fenech – l-imgħallem – kien ser jiġi arrestat fuq qtil u li kienu lesti li jgħinuh jaħrab.
Ray Fenech kien ħeġġeġ lil neputih biex jaħrab mill-pajjiż b’kemm għandu saħħa u sabiex jiftaħ għajnejh beraħ għall-fatt li, bis-saħħa tal-iżviluppi li kienu qed iseħħu, seta’ jinġabar mill-pulizija.
Tgħid Ray Fenech bilġri ser joħroġ xi stqarrija dwar kemm ta’ Tumas huma dejjem b’seba’ għajnejn biex jikkonformaw strettament mal-liġijiet tal-pajjiż? Li kieku kien ziju tal-affari tiegħu, lil neputih kien jagħtih parir biex jikkopera mal-pulizija u jgħinhom fl-investigazzjoni tagħhom biex jinġabru l-kompliċi kollha. U, jekk dak li qed jistqarr Yorgen Fenech dwar id-delitt huwa minnu, sabiex jgħin fil-kxif ta’ kull min kien imdaħħal.
Dan ma kienx il-parir li Ray Fenech ta lil neputih. Lil neputih qallu biex jaħrab mill-ġustizzja u tarraflu nformazzjoni dwar il-mod kif seta’ jgħaddiha lixxa.
Zijuh ma ġabx ruħu ta’ qarib u ta’ missier. Ġab ruħu ta’ kompliċi f’delitt u ta sehmu biex ixekkel il-kors tal-ġustizzja. Tgħid Ray Fenech ġab ruħu b’dan il-mod għaliex kellu xi motivazzjonijiet altruwistiċi fil-konfront ta’ neputih? Jew inkella ried iħarrab lil neputih biex ikun jista’ jħares l-interessi tiegħu u tal-familja tiegħu? Hemm xi proxxmu li qed jistaqsih dawn il-mistoqsijiet?
Sal-lum Ray Fenech għadu jgawdi minn negozji tal-casinò ta’ Yorgen Fenech. U għadu jgawdi mill-proġett tal-Electrogas ta’ Yorgen Fenech.
Tabilħaqq li ftit huma dawk li jemmnu li nġabar kull min kien imdaħħal fit-twettiq tad-delitt. B’mod partikolari aħna u nisimgħu, ġimgħa wara ġimgħa, dwar in-numru ta’ persuni li ħadmu biex isaħħu l-isforzi ta’ Joseph Muscat biex ixekkel u jidfen l-investigazzjoni tal-pulizija dwar il-qtil ta’ Daphne.
Madankollu, b’xorti tajba, jidher li f’din il-taqtiegħa hemm ukoll min għandu subgħajh dritt.