Ejjew ngħarblu l-kwistjoni mill-perspettiva tagħha. Robert Abela rrikonoxxa li l-għoti tal-kuntratt dwar proġett tal-estensjoni f’San Vinċenz de Paule li sewa’ mal-€275 miljun kiser il-liġijiet proċedurali. Huwa pprova jnaqqas is-sinjifikat ta’ dan il-ksur sfaċċat tal-liġijiet iżda, anki f’dak li rrikonoxxa, huwa ttanta li jiġġustifikah hu u jistqarr li issa l-pajjiż għandu residenza għall-anzjani akbar u li din hi ħaġa tajba.
Din l-iskuża wieħed jista’ jinqeda’ biha biex jagħmel kollox. Dak kollu li jakkwista l-gvern, jakkwistah għall-użu jew għat-tgawdija tal-pubbliku. Jekk il-gvern ikun irid jibni skola, jkollna skola. U jekk il-ġustifikazzjoni tkun dik li jkollna skola, l-bennejja tal-iskejjel għaliex għandhom jikkompetu bejniethom dwar min joffri l-aħjar prezz biex jingħataw il-kuntratt?
Il-kuntratt dwar il-proġett tal-estensjoni ta’ San Vinċenz kien ingħata permezz direct order. Ejjew neżaminaw il-kuntest bis-saħħa ta’ eżempju: llum sa nofsinhar il-fornituri ta’ prodott speċifiku jkunu jeħtieġu li jipprovdu informazzjoni teknika kif ukoll il-prezzijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni b’rabta mal-forniment ta’ tagħmir speċjalizzat.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni jeħtieġ li jixtri 9 fliexken shampoo, 9 fliexken conditioner, 9 fliexken ta’ scalp condition treatment, 9 fliexken ta’ prodotti dwar styling, 6 fliexken ta’ prodotti għal hair finishing, hairdryer, 6 pniezel, 9 pettnijiet, 6 sectioning clips, 3 skutelli and 3 pniezel għat-tinting.
Iżda r-regoli ma jippermettux lil xi skrivan li jmur jixtri dawn l-oġġetti mill-eqreb ħanut. Dan l-iskrivan ikun jeħtieġ li jilqa’ offerti mingħand tliet fornituri, jkun jeħtieġ jimla’ l-formoli, jagħmel rapport u jissottomettieh u mbagħad jistenna’ l-ordni għax-xiri ta’ dawn l-oġġetti.
Ċertament mhux ser ifalli l-gvern li kieku x-xiri tax-shampoo minn ħanut u mhux minn ieħor kellu jiswieh xi ftit aktar. Iżda l-liġijiet qiegħdin hemm biex jiġu segwiti u wieħed ma jistax jiġġustifika l-ksur tagħhom bil-fatt li x-shampoo nxtara’.
Ix-xiri tax-shampoo jinvolvi ammonti negliġibbli u għaldaqstant ħadd m’hu ser igħaddilu minn moħħu li jipprova jxaħħam biex ikun jista’ jiffinanzja lill-partiti politiċi. Iżda l-istorja tieħu xejra differenti għal kollox meta l-gvern ikun ser jibni estensjoni ta’ sptar jew jiffirma kuntratt biex, għall-10 snin li ġejjin, jitma’ lill-anzjani residenti fl-isptar.
Pajjiż li jaċċetta l-iskużi ta’ Robert Abela u li ma jindenjax ruħu li jżommu responsabbli, jkun ħaqqu li jinsteraq.
Tangentopoli hi belt li fiha jgħixu kuntenti partita bħaħan.