Tal-One TV għamlu xalata sħiħa meta jien ikkummentajt dwar l-istqarrija li għamel Bernard Grech fis-sens li hu m’għandu ebda problema b’Adrian Delia.

X’aktarx li ser jagħmlu xalata oħra b’dan li ġej.

Matul il-kampanja li għamel Adrian Delia biex jibqa’ kap tal-partit, il-manigold tiegħu Vincent Borg, magħruf bħala Ċensu l-Iswed, kien kiteb fil-Facebook f’lingwa li hu ma jitħadditx biha, u li fiha għamel sensiela ta’ mistoqsijiet retoriċi dwar deputati parlamentari li hu jqishom bħala ribelli fil-grupp parlamentari ta’ Adrian Delia.

Fil-mira tal-persuna mhux magħrufa li kitbet fil-Facebook f’isem Ċensu l-Iswed kien hemm, kif wieħed jistenna, Jason Azzopardi. Ċensu l-Iswed ‘staqsa’ lil Jason Azzopardi jekk kienx minnu li hu kien żar Portomaso biex jiltaqa’ ma’ mara “tax-xogħol”.

Jason Azzopardi għamel libell fil-qorti u l-qorti spiċċat biex warrbet id-difiża redikola li kien għamel Ċensu l-Iswed fis-sens li b’mara “tax-xogħol” ried ifisser mara li taħdem fil-Hilton u li bi “żjara” ried ifisser diskursata jew konversazzjoni.

Il-qorti qablet li Jason Azzopardi ma’ ħaqqux li jiġi mċappas b’gidba li hu jiffrekwenta l-prostituti.

Mid-dehra, wara li ngħatat din is-sentenza tal-qorti, lil Adrian Delia tah tal-qamar. Il-bieraħ, ftit wara li fil-Facebook kiteb li kien ferħan jiekol ikla – hawn m’għamel ebda riferenza għal dak li kien qed jixrob mal-ikla – u permezz tal-Facebook fetaħ attakk sfrenat kontra Jason Azzopardi talli dan kien ażżarda jħarrek lil Ċensu l-Iswed fil-qorti. Lil Ċensu l-Iswed, Adrian Delia pinġieh bħallikieku kien xi eroj ewlieni u leġġendarju tal-PN li Jason Azzopardi lanqas għandu l-ħila li jaqfillu l-lazz taż-żarbun.

Tassew? Adrian Delia kif seta’ kien jaf? L-eks kap ma kontx tarah b’nemes fil-PN matul dak iż-żmien kollu.

U għaliex jippretendi li l-baqar sagri għandhom dritt li jimplikaw li xi ħadd jiffrekwenta lill-prostituti meta dan mhux minnu, dan kollu għaliex mingħalih li gidba bħal din tista’ b’xi mod tagħmel il-ġid lil Adrian Delia?

Tal-One TV se jieħdu pjaċir b’dan li ġej. Bernard Grech qed jaħdem biex jeqred l-inkwiet intern li joħroġ fil-pubbliku. Lid-deputati parlamentari tahom ordni biex ma jikkritikawx lil xulxin u saħansitra biex lanqas ma jagħmlu ‘like’ jew ‘share’ fil-media soċjali f’kitbiet li jistgħu jkunu kritiċi ta’ kandidati jew deputati tal-PN.

Dan ifisser li, rrispettivament jaqblux ma’ kitbieti jew le, ebda membru tal-grupp parlamentari tal-PN ma’ jista’ jagħmel “share” fuq artiklu li nikteb jien anki jekk nikteb li Adrian Delia m’hu xejn ħlief buffu li għandu jżomm ruħu ‘l bogħod mill-politika kemm jista’ jkun.

Il-grupp parlamentari tal-PN huwa mistenni li jkun magħqud.

Issa li Adrian Delia infexx f’dan l-attakk – attakk li ma nfexx fih wara li tgħidx kemm xorob ilma żżejjed mal-ikel – Bernard Grech ser jibqa’ jgħid li m’għandux problem bil-kandidat tiegħu?