Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li Clyde Caruana kiteb fil-Facebook li hi verżjoni xi ftit aktar dettaljata tal-istqarrija li ħareġ il-Ministeru tal-Finanzi aktar kmieni llum dwar il-kwistjoni tat-taxxa maħfura taċ-Ċaqnu.
L-istqarrija ta’ Clyde Caruana turi li huwa jaf li ser ikollu biċċa xogħol iebsa biex jikkonvinċi lin-nies li jħallsu t-taxxa fil-ħin u fil-pront ġaladarba li issa nafu li lil min ilu jaħrab mill-ħlas tat-taxxa qed jittrattah bl-ingwanti.
Jekk dan huwa minnu, mhux biżżejjed li joħroġ b’ċaħdiet “kategoriċi”.
Li jmissu jagħmel hu li jordna lid-dipartiment tat-taxxi nterni biex igħaddi l-informazzjoni kollha dwar dak kollu li għandu jagħti ċ-Ċaqnu u dwar kif ser iħallas dak kollu li huwa dovut minnu lin-National Audit Office. Clyde Caruana b’hekk biss ikun jista’ jikkonvinċina li huwa mpenjat favur il-moralità fiskali u li, fejn jidħol ħlas ta’ taxxa, m’għandhomx isiru preferenzi.
Mhux sold jew tnejn. Qed nitkellmu hawn fuq €40 miljun u dwar persuna li ilha biex tħallashom għal għexieren ta’ snin. Din m’hix kwistjoni ta’ kunfidenzjalità. Iċ-Ċaqnu baqa’ ma ħallasx ammonti dovuti lil kull wieħed u waħda minna. U biex forsi jinfeda’, l-gvern jeħtieġ li jkun trasparenti.
U, f’ġieħ is-sewwa, jeħtieġ li ma noqgħodux nirrikorru għas-sofistrija u għall-qerq billi nsostnu li nħafrulu l-imgħaxijiet u l-multi u mhux l-ammont tat-taxxa dovuta. Il-multi u l-imgħaxijiet huma taxxi. Li kieku ma kienux taxxi, nibdew nitħajjru nħallsu t-taxxi tagħna biss kull meta jkollna l-aptit u mhux meta jkun imissna nħallsuhom.
Mela ejjew naqtgħu l-paroli jekk jogħbok, Sur Ministru Caruana. Xandar id-dokumenti. B’hekk biss inkunu nistgħu nserrħu rasna li dak li qed tistqarr għandu mis-sewwa.