Hekk kif iddaħħlet mill-ġdid fil-kabinett tal-ministri ftit xhur wara li kienet warrbet minħabba ż-żwieġ tossiku li kellha ma’ dak li kien id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija, l-iskreditat Silvio Valletta, Justyne Caruana reġgħet sabet ruħħa fl-aħbarijiet.
Ftit jiem wara li reġgħet inħatret, il-prim ministru taha ordni biex tħassar kuntratt li kienet tat lil Daniel Bogdanovic, eks player tal-futbol li l-istampa ddeskrivietu bħala l-ħabib speċjali tagħha. Dan il-kuntratt ma ngħatalux biex ibajjdilha xi kamra. Il-kuntratt ingħata lil Daniel Bogdanovic mill-Ministeru tagħha minkejja l-fatt li fost l-impjegati tal-gvern diġà hemm min għandu l-ħila aktar minnu li jwettqu u li qed jitħallas biex iwettqu.
Jidher li Justyne Caruana għadha kemm ippreżentat rapport mal-Pulizija li fih ilmentat li l-eks mara ta’ Daniel Bogdanovic u oħtha kienu qed isegwu l-passi tagħha. Mid-dehra. din l-eks mara kienet segwiet il-passi ta’ Justyne Caruana u tal-ħabib speċjali tagħha u ġibdet ritratt tagħhom waqt li dawn kienu flimkien. U lil Justyne Caruana, allegatament din qaltilha xi kliem li ma ntogħġbux.
Iżda l-isbaħ biċċa m’hix din. Tal-Malta Today irrappurtaw li t-taħrika tal-Pulizija ħarġet minn idejn l-Ispettur Josef Gauci. Dan Josef Gauci jiġi ħu Steven Gauci, mpjegat li kien intagħżel apposta biex jaħdem fil-Ministeru ta’ Justyne Caruana. U mill-Ispetturi tal-Pulizija kollha li jeżistu, proprju dan kellu joħroġ it-taħrika?? Aħjar ma ngħid xejn!! X’kull waħda!!
Issa jeħtieġ nammettu li stejjer bħal dawn, b’nisa nkazzati jfittxu l-passi tal-irġiel tagħhom, jiġru kuljum. Iżda bl-ispettaklu pubbliku li ħolqot din l-istorja, għal ftit ma jaqbdekx id-daħk.
Insomma, dawn ċertament jidher għandhom ħila kbira biex jaljenaw lin-nies mill-problemi reali li l-pajjiż għandu ma’ wiċċu.
Mingħajr ma jafu, rnexxielhom jagħtu tifsira ġdida lill-kelma “skandlu”: kelma li, bis-saħħa tat-teatrini li tgħidx kemm jinqalgħu għalihom, m’għadhiex tixxokkja.