Agħtu daqqa t’għajn lejn id-dettalji. Dalgħodu tat-Times of Malta rrappurtaw li Charles Polidano ċ-Caqnu nħafritlu parti kbira mill-ammont ta’ €40 miljun li ilu dovut sa mis-snin disgħin. Dawn kitbu li kien ħallas depożitu u ffirma kuntratt li permezz tiegħu ftiehem li jħallas il-bilanċ fuq medda ta’ żmien. Iżda parti minn dan l-ammont ser jitħallas bis-saħħa ta’ tpartit ma’ artijiet li l-gvern qed igħid li ser jintużaw għal skop soċjali li xejn m’hu ċar.
Aktar tard, imbagħad, il-Ministeru tal-Finanzi ħareġ b’ċaħda totali u l-istqarrija li ħareġ kellha lista sħiħa ta’ “ċaħdiet kategoriċi”.
Iżda minkejja dawn iċ-ċaħdiet kollha, l-istqarrija tal-Ministeru tal-Finanzi kompliet tgħid li liċ-Ċaqnu nħafritlu somma mdaqqsa mill-ammont ta’ €40 miljun li ilu jakkumula mis-snin disgħin ‘l hawn. Il-Ministeru stqarr li ċ-Ċaqnu kien ħallas depożitu u kien ser iħallas il-bilanċ fuq medda ta’ żmien. Iżda l-fatt jibqa’ li ammont imdaqqas minn dak li għandu jagħti ser titħallas bi tpartit ma’ artijiet li jingħad ser jintużaw għal skop soċjali li m’huwiex ċar.
Għaliex ma jgħidux il-verità? Meta jħabbtilna fuq biebna xi uffiċjal tat-taxxa b’kont f’idejh u b’talba biex inħallsu xi ftit mijiet ta’ ewro jmissna ngħidulu li qabel inħallsu bi ħsiebna ntellgħu kont ta’ €40 miljun biex forsi tinħafrilna xi parti minnu bħalma nħafer parti mill-kont taċ-Ċaqnu.
Jeħtieġ nifhmu li liċ-Ċaqnu kkonċedewlu ftehim biex ikun jista’ jagħmel ħlasijiet b’lura u dan minkejja l-fatt li ilhom jiġru warajh biex iħallas għal madwar kwart ta’ seklu. Dan jistgħu jiċħduh kategorikament kemm iridu iżda l-fatt jibqa’ li dan ikkonfermawh b’mod kategoriku.
Jeħtieġ nifhmu li dawn aċċettaw li jagħmlu arranġement li xejn m’hu ċar bi tpartit ta’ artijiet. Dan jistgħu jiċħduh kategorikament kemm iridu iżda l-fatt jibqa’ li dan ikkonfermawh b’mod kategoriku.
Jeħtieġ nifhmu li l-ammont dovut ta’ €12 miljun ħassruh bħallikieku qatt ma eżista. Ifhmu sewwa: tnax il-miljun. Dan jistgħu jiċħduh kategorikament kemm iridu iżda l-fatt jibqa’ li dan ikkonfermawh b’mod kategoriku.
Il-Ministeru tal-Finanzi stqarr li “tat-Times of Malta naqsu li jivverifikaw il-fatti qabel stampaw rapport li hu msejjes fuq allegazzjonijiet li m’humiex korretti.” Issa l-fatti jinsabu konfermati mill-Ministeru tal-Finanzi stess. Iżda dawn il-fatti x’aktarx ma kienux jaraw id-dawl tax-xemx li kieku tat-Times of Malta dalgħodu ma xandrux ir-rapport tagħhom.
U l-mistoqsijiet li jien għamilt dalgħodu għadhom igħoddu, ja bħaħan.