Li kieku pajjiżna huwa wieħed demokratiku tassew, dak li qed iseħħ fil-Kumitat tal-Parlament dwar il-Kontijiet Pubbliċi kien jiġi kunsidrat bħala oltraġġ. Giannella Demarco hi l-avukata ta’ Paul Apap Bologna: tqabbdet minnu u titkellem f’ismu. Hawn m’huwiex jiġi mgħoddi ġuri. Huwa biss xhud li m’għandu ebda ħtieġa ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza.

Iżda minkejja dan, għażel li jqabbad avukat. U jidher li qed jehda jitħaddet b’vujtaġni liema bħalha dwar id-“drittijiet tal-bniedem” bħallikieku Paul Apap Bologna – sinjurun aristokratiku multi-miljunarju mnissel mill-koxxa ta’ Ġjove – qatt b’xi mod kien żvantaġġjat jew vittimizzat mill-abbużi tas-setgħat tal-Istat. Imbagħad l-interventi tal-avukat – li kulma jmorru qed ikunu dejjem aktar fl-aggressivi – qed iservu biex tiżdied il-melodrama.

Jekk dan iridna li ninkwietaw ruħna dwar id-drittijiet tal-bniedem, mhux aħjar jekk nitħaddtu dwar in-nies tat-triq li qed iħallsu aktar milli jmisshom iħallsu fuq il-kontijiet tagħhom tad-dawl u tal-ilma biex sinjuruni bħala Paul Apap Bologna u sħabu jkunu jistgħu jkomplu jħaxxnu bwiethom u bwiet il-politiċi maħmuġin li jkunu miftehmin magħhom? M’għandniex xi ngħidu, nista’ nobsor li issa ser imur jgħid li minn dan il-kuntratt huwa ma daħħalx f’butu ċenteżmu mġiddem, iżda dan il-ġudizzju għandna nħalluh għall-istorja, forsi wara li nkunu sirna nafu d-dettalji tal-ispejjeż tal-interconnector il-ġdid.

Giannella Demarco hi biss il-portavuċi ta’ Paul Apap Bologna. Għaldaqstant, hu u jipprova jbellagħhielna li qed jitriegħed wara maskra, m’għandniex għalfejn nerħulu li jgħaddiha lixxa billi noqgħodu nitħaddtu dwar l-imġieba tal-avukat tiegħu.

Hi ħaġa li ma titwemminx li jkollok xhud li jispiċċa jiddetta l-limiti tal-kompetenza ta’ Kumitat Parlamentari u jiddeċiedi hu liema mistoqsijiet huma ammissibbli u liema huma dawk li m’humiex. Daqs kemm hi ukoll ħaġa ta’ barra minn hawn li jkollok sempliċi xhud – bħalma hu Paul Apap Bologna – li lill-membri parlamentari tal-Kumitat jkollu l-wiċċ tost li jgħidilhom hu x’jistgħu u x’ma jistgħux jistaqsuh jew inkella li jiġbed konklużjonijiet politiċi mit-tweġibiet tiegħu jew minn dawk it-tweġibiet li jirrifjuta li jagħti.

Immaġinaw ftit li kieku dawn il-praspar seħħew quddiem xi Kumitat tal-Kungress Amerikan jew tal-House of Commons fir-Renju Unit.

Dan m’huwa xejn ħlief oltraġġ għaliex il-biċċa l-kbira tal-membri parlamentari tal-Kumitat – jiġifieri dawk li huma maħturin mill-gvern – huma kompliċi fl-umiljazzjoni tagħhom stess kull meta lix-xhud jinkoraġġuh juri d-disprezz tiegħu lejn il-proċess parlamentari, lejn il-membri parlamentari u lejn il-Kumitat li huma jiffurmaw parti minnu.

Jekk Giannella Demarco hi lsien Paul Apap Bologna, Glenn Bedingfield u l-bqija tal-membri tan-naħa tiegħu huma idejh armati bil-frosta u bis-skieken.

Paul Apap Bologna jinsisti li m’għandha ssir ebda rabta bejn il-kuntratt skandaluż tal-Electrogas (li minnu qed ipappiha sewwa) u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

M’għandniex xi ngħidu, tal-istess fehma huwa Yorgen Fenech, sieħeb fin-negozju ta’ Paul Apap Bologna, li jinsab mixli bil-qtil. Dan qed igħid li l-motiv wara l-qtil jinsab fil-laptop ta’ Daphne u dan bħallikieku kienet Daphne li kienet qabbdet lill-assassini biex jisploduha fil-karrozza tagħha u jagħmluha rmied. Iżda dawn moħħom biss biex idaħħlu d-dubji fl-imħuħ tan-nies.

U issa Glenn Bedingfield, il-potavuċi ta’ Yorgen Fenech, tħajjar ukoll u l-insinwazzjonijiet ta’ Yorgen Fenech dwar il-laptop tal-vittma għamilhom tiegħu

Ma nafx Glenn Bedingfield huwiex qed jitħallas minn Yorgen Fenech (kif Giannella Demarco qed titħallas minn Paul Apap Bologna) biex jitkellem f’ismu. Iżda nifhem li Glenn Bedingfield mhux ser jiddardar jitkellem għal Yorgen Fenech mingħajr ma jitħallas.

M’għandix l-iċken dubju li, kieku kellu jagħżel f’isem min għandu jitkellem – jiġifieri jew il-vittmi tal-Electrogas, il-vittmi ta’ Paul Apap Bologna u ta’ Yorgen Fenech irrispettivament humiex vittmi ta’ serq fil-kontijiet jew allegati vittmi ta’ splużjoni f’karrozza –  jew li jitkellem f’isem Paul Apap Bologna u Yorgen Fenech innifishom, Glenn Bedingfield ser jagħżel dejjem lill-mafjużi.

Issa ilu tliet snin sħaħ iħarref dwar dan l-imbierek laptop. Fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kellu l-wiċċ sfiq li taparsi jieħu għalih li setgħu waħħlu fih meta fit-toroq kienu ttellgħu kartelluni biex tinxtered l-insinwazzjoni faħxija li l-verità dwar l-assassinju ta’ Daphne għadha ma ratx id-dawl tax-xemx għaliex il-ġurnalisti m’humiex lesti li jikxfu l-għejjun tagħhom.

U l-bieraħ fil-Parlament rajnieh jagħmel tiegħu l-argumenti li nġiebu mill-avukati ta’ Yorgen Fenech. L-istess kif jagħmel quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi hu u jagħti daqqa t’id lil Giannella Demarco fl-assalt tagħha kontra d-deputati tal-Oppożizzjoni.

Li kieku Malta kienet tassew pajjiż demokratiku, aġir bħal dan kien jitqies bħala oltraġġ. Dan l-aġir m’huwiex biss attakk mill-mafja fuq l-Istat. Huwa wkoll attakk mill-mafjużi u mill-avukati tagħhom kontra dawk il-membri parlamentari li għadhom lesti li jiddefendu d-demokrazija. Karol Aquilina, għalkemm huwa membru parlamentari, m’huwiex rappreżentant tal-Parlament Malti u ma jirrappreżentaħx, hu u jipprova jirreżisti dan l-attakk imxajtan fuq l-orjentazzjoni tal-Istat.

Tista’ tgħid li l-Parlament jirrappreżentah Glenn Bedingfield. Għaliex l-avukati tal-mafja għall-kriminali tal-mafja m’humiex biżżejjed. Fil-Parlament ikun jeħtieġ lill-avukati tal-mafja biex jitkellmu f’isimhom ukoll.

U qabel Bedingfield jew Demarco jew Apap Bologna jieħdu għalihom talli wżajt il-kelma “mafja”, nistedinhom jifhmu l-użu popolari ta’ din il-kelma u li jirriflettu fuq il-verità: wieħed m’għandux għalfejn iġib l-isem Capone jew Corleone jew Riina wara ismu biex jitqies mafjuż.

Ikun biżżejjed jekk jissieħeb mal-forzi tal-ħażen.