Edward Zammit Lewis illum attenda laqgħa tal-Kabinett qiesu mhux hu. U meta jiġġustifika dan l-aġir, il-gvern ikun qed juri li m’għandu ebda intenzjoni li jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-Inkjesta Daphne.
Edward Zammit Lewis jammetti li kien “ħabib” ta’ Yorgen Fenech. Jammetti li ma’ Yorgen Fenech ta’ sikwit tkellem dwar l-isforzi tiegħu u tal-partit tiegħu biex iżommu lill-istituzzjonijiet milli jinvestigaw lil 17 Black.
L-Imħallfin tal-Inkjesta tkellmu ċar u tond u bla tlaqlieq dwar u dwar ir-rwol tiegħu. Dawn stqarrew li:
“Il-kriminalita’ organizzata tfittex li taġixxi b’mod sigur għax tkun koperta minn velu ta’ impunita’, riżultat ta’ ħbiberiji, familjarita’ jew komunjoni ta’ interess ma’ persuni f’awtorita’ li jistgħu jassigurawlha protezzjoni mill-investigazzjoni u prosekuzzjoni għall-aġir kriminuż tagħha”.
L-Imħallfin imbagħad semmew b’isimhom numru ta’ persuni biex kulħadd jifhem sewwa dak li kellhom f’moħħhom. Bdew bl-ismijiet ta’ persuni impjegati fis-servizz ċivili (Joe Bannister, Johann Buttigieg, Heathcliff Farrugia, Joseph Cuschieri, Lawrence Cutajar u Silvio Valletta).
U mbagħad għamlu riferenza għal “allegazzjonijiet simili li saru dwar politiċi bħal Joseph Muscat, Edward Zammit Lewis, Adrian Delia u Pierre Portelli”.
Segwu l-kummenti li ta dalgħodu Edward Zammit Lewis lil Jacob Borg u erġgħu aqraw il-kwotazzjoni mir-rapport stampata aktar ‘il fuq. Huwa jikkonferma l-“ħbiberija”. U ma jistax jiċħad l-informazzjoni li huwa kien għadda lil Yorgen Fenech dwar l-isforzi tiegħu biex jara li Yorgen Fenech jingħata l-kenn u l-protezzjoni li jkun jeħtieġ biex ma jiġix investigat minħabba l-għemil kriminali tiegħu.
L-Imħallfin tal-Inkjesta ddeċidew ukoll li l-Kabinett tal-Ministri kien responsabbli talli dawn ma ħadu ebda azzjoni fiż-żmien meta feġġew l-iskandli tal-Panama Papers u ta’ 17 Black. L-Imħallfin stqarrew li dawn kellhom jaġixxu. Li jfisser li għall-Imħallfin tal-Inkjesta l-iskuża tal-lealtà lejn il-partit jew tal-kolleġjalità governattiva m’hix aċċettabbli. L-uffiċjali pubbliċi u l-politiċi għandhom obbligu morali li jħarsu l-liġijiet u li jgħidu l-verità anki meta jkunu kollegi fil-partit li jxerrdu l-gideb.
Bħallikieku tassew emmen dak li kien qed igħid, lil Jacob Borg dalgħodu Edward Zammit Lewis qallu li kien qed isegwi d-direttivi tal-partit tiegħu. Skuża li l-Imħallfin tal-Inkjesta stqarrew li m’hix aċċettabbli għaliex kienet skuża bħal din li wasslet għall-impunità li spiċċat biex qatlet lil Daphne Caruana Galizia.
L-Oppożizzjoni għadha kemm ippreżentat mozzjoni parlamentari ta’ sfiduċja f’Edward Zammit Lewis.
Issa m’għadx hemm skużi.
Il-konklużjonijiet tal-inkjesta issa nafuhom u dawk il-Ministri li kienu vvutaw favur Konrad Mizzi ser jiġu mitluba biex ma jagħmlux l-istess żball.