Għadni kemm sirt naf li dak li sa ftit ilu kien imexxi l-Economic Crimes Unit tal-korp tal-Pulizija, Ian Abdilla, ġie sospiż mill-korp u ser jiġi investigat taħt ir-regolamenti ta’ dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
F’Ġunju tas-sena l-oħra, ftit wara li l-Kummissarju preżenti Anġlu Gafà ngħata l-ħatra, Ian Abdilla kien tneħħa mill-Economic Crimes Unit u ġie trasferit lejn dipartiment li jieħu ħsieb xogħol amministrattiv intern.
Meta dalgħodu staqsejt lill-Pulizija dwar jekk Ian Abdilla kienx ġie sospiż, dawn ikkonfermaw miegħi li “l-Pulizija ta’ Malta issospendiet uffiċjal tal-Pulizija taħt ir-regolamenti ta’ dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u dan ser jibqa’ sospiż sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.”
Iżda kienu l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li wasslu għal din is-sospensjoni u għat-tnedija tal-proċeduri li jistgħu jwasslu għat-tkeċċija tiegħu mill-korp.
F’Marzu 2020 l-Imħallfin tal-inkjesta kienu xxukkjaw ruħħom huma u jisimgħu lil Ian Abdilla jammetti li fl-2017 kien iltaqa’ ma’ Keith Schembri f’Kastilja sabiex miegħu jiddiskuti rapporti tal-Financial Intelligence Agency li kienu waslu għal konklużjoni li jeżistu suspetti li Keith Schembri kien imdaħħal fil-kriminalità.
Abdilla kien ammetta li Keith Schembri kien bgħat għalih u li hu kien tah parir sabiex ifittex parir legali biex ikun jista’ jirribatti r-rapporti dwar l-eżistenza ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil ta’ flejjes maħmuġin.
Fl-istess waqt, il-Pulizija kienet ċaħdet rapporti fl-istampa fis-sens li Keith Schembri kien taħt suspett dwar twettiq ta’ reati kriminali u ddikjarat li ma teżisti ebda bażi biex issir investigazzjoni.
Fir-rapport tagħhom, l-Imħallfin tal-inkjesta rrimarkaw li Ian Abdilla baqa’ ma ħa ebda passi kontra tan-Nexia BT u dan minħabba parir li ngħata mill-Avukat Ġenerali li kien tal-fehma li kieku l-Pulizija kellha tissekwestra files u servers biex tkun tista’ tinvestiga l-kriminalità, kienet tkun intrusiva żżejjed.
L-Imħallfin irriżultalhom ukoll li minn Frar 2017 ‘il quddiem Ian Abdilla kien refa’ f’kexxun il-provi u l-evidenza li kienu għaddewlu l-pulizija ta’ taħtu. Fi Frar 2020, dawn xehdu fil-qorti u qalu li minkejja l-parir li kienu tawh biex jibda’ proċeduri kriminali bil-qorti, Ian Abdilla baqa’ ma ċċaqlaqx.
Sa dakinhar f’Marzu 2020 li Ian Abdilla xehed quddiem l-Imħallfin tal-inkjesta, l-Pulizija kienet għadha ma nterrogat lil ħadd dwar il-Panama Papers minkejja l-fatt li dan l-iskandlu kien inkixef minn Daphne Caruana Galizia għall-ewwel darba sa minn Frar 2016.
Lill-Imħallfin irriżultalhom li din in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet ħolqot atmosfera ta’ impunità li wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-konklużjoni li l-Istat Malti hu responsabbli għall-qtil ta’ ġurnalista hi msejjsa fuq dan il-fatt.
Dalgħodu Repubblika xandret kitba b’rabta ma’ Ian Abdilla bħala parti minn sensiela ta’ kitbiet li jsejjħu lill-Pulizija biex tieħu passi kontra persuni li għandhom is-setgħa li sal-lum għadhom igawdu l-impunità.