Il-bieraħ fil-qorti Melvyn Theuma xehed li Yorgen Fenech kien stqarr li “l-flus huma s-saħħa tagħna” dakinhar li Theuma ssuġġerielu li seta’ jwaqqaf il-ħlasijiet ta’ eluf ta’ ewro li l-aħwa Degiorgio – li issa kienu arrestati fil-ħabs – kienu qed jerdgħu minn fuq dahru. Kienu kliem tipiċi ta’ kap tal-mafja.
‘Il-flus huma s-saħħa tagħna’
Ma kienu xejn ħlief kliem li jirriflettu l-mentalità ta’ Yorgen Fenech, wieħed mill-kapijiet tal-mafja lokali.
Skont Melvyn Theuma, dawn il-kliem kien lissinhom Yorgen Fenech stess u ma jirriżultawx minn xi recording. Għalkemm Yorgen Fenech x’aktarx m’huwiex ser ikun xhud fil-ġuri tiegħu, huwa mistenni li ser jiċħad li kien lissen dawn il-kliem jew li kien għamel dak li Melvyn Theuma xehed li kien għamel hu u jlissinhom.
Ix-xhieda ta’ Melvyn Theuma tinsab korroborata minn sensiela ta’ fatti. Waħda minn dawn il-fatti hi r-riċevuti li Melvyn Theuma kien wera’ lill-Pulizija, liema riċevuti kienu nkitbu minn Mario Degiorgio f’isem ħutu. Tgħid din tammonta għal forensika aċċettabbli? Jista’ jkun li le. Iżda hemm fatt wieħed li ħadd ma jista’ jiċħdu: xi ħadd kien qed iħallas il-kontijiet għoljin tal-avukat tal-aħwa Degiorgio kif ukoll id-drittijiet tal-esperti tekniċi għar-rapporti li dawn fasslu u li dwarhom jien kont ktibt ukoll.
Yorgen Fenech igawdi l-appoġġ. Ma niskanta xejn b’dan. Totò Riina ukoll kellu l-appoġġ u qabel ġie arrestat, kien ilu snin twal jgħix f’moħba. Yorgen Fenech kien fil-quċċata ta’ piramida ta’ ġid li minnha kienu jgawdu mijiet ta’ persuni li kienu jagħmlu minn kollox biex jikkuntentawh.
Dawn għadhom sal-lum jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn fuq dahru. Dakinhar li erba’ attivisti ta’ Repubblika saqu għal quddiem il-bieb prinċipali tal-Lukanda Hilton biex jipprotestaw kontra n-namrar inaċċettabbli li kien hemm bejn Yorgen Fenech u Edward Zammit Lewis, tfaċċaw numru ta’ manigoldi u għamlu xenata sħiħa talli dawn l-attivisti ażżardaw jersqu qrib il-maqdes tal-eroj tagħhom.
Waħda mara li, mid-dehra, tridha ta’ xi eroj għamlet plejtu sħiħ quddiem dawn l-erba’ attivisti talli – skont hi – dawn taw fastidju lil omm Yorgen Fenech. U Simon Mercieca għamel ħafna għaġeb dwar l-attivisti u kiteb li bl-imġieba tagħhom dawn heddew il-ħobż tal-ħaddiema bieżlin tal-Lukanda Hilton.
U proprju hemm, fil-maqdes li hi Lukanda Hilton fejn Yorgen Fenech huwa meqjus bħala eroj u ommu kunsidrata bħallikieku kienet id-Duluri, tidwi l-għajta li ttarrax: “il-flus huma s-saħħa tagħna”.
Il-manigoldi tal-kanċell tal-Hilton u dawk li jmexxuhom, dik il-mara li għamlet plejtu, dak il-lagħqi Simon Mercieca u saħansitra anki omm Yorgen Fenech – dawn m’huma qatt ser jiġbdu konklużjonijiet loġiċi mill-fatt li Yorgen Fenech, meta kien għadu jiġri barra, kien qed iħallas l-avukat tal-aħwa Degiorgio – l-persuni li kienu ntbagħtu l-ħabs sakemm igħaddu ġuri mixlijin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Lil dawn lanqas biss igħaddilhom minn moħħhom x’tassew ifisser dan kollu. Għaliex dawn jinsabu maħkumin mis-saħħa li għandu Yorgen Fenech kif ukoll minn flusu.
Il-familja Fenech għadha sal-lum is-sid tal-Hilton. U għadhom sal-lum sħab mas-Siemens fl-Electrogas. Għadhom sal-lum jaqilgħu l-mijiet tal-eluf mill-casinò tagħhom minkejja r-rabtiet li nkixfu mal-kriminalità organizzata. Flus li ġew u għadhom qed jiġu ġenerati minn dawn in-negozji għaddew minn id Yorgen Fenech għal għand l-assassini u l-avukati tagħhom. U issa dawn il-flejjes maħmuġin qed jintefqu biex issir difiża lir-reputazzjoni tiegħu fil-qorti u barra mill-għatba tagħha.
M’għandniex xi ngħidu, kulħadd għandu dritt li fil-qorti jkollu difiża xierqa. Jekk Yorgen Fenech m’għandux flus nodfa biex ikun jista’ jħallas lill-avukati, l-Istat għandu jipprovdilu avukat.
Iżda, bħal fiż-żmien meta kien għadu jiġri barra, Yorgen Fenech jaf li l-flus huma s-saħħa tiegħu.
U li l-flus maħmuġin huma s-saħħa maħmuġa li għandu.