Ir-raġuni ewlenija l-għala Edward Zammit Lewis għandu jwarrab m’hix għaliex dan offenda lill-votanti u partitarji tiegħu stess bi kliem dispreġġjattiv meta għajjarhom “ġaħan”. Dawn għandhom raġun jieħdu għalihom u x’aktarx li din it-tgħajjira ser jibqgħu jiftakruha dakinhar li jmorru jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja.

Meta semma’ l-kelma “ġaħan”, Edward Zammit Lewis kien f’nofs konversazzjoni ma’ bniedem li għalih kien u għadu “ħabib” – Yorgen Fenech. Dak iż-żmien jista’ jkun li ma kienx għadu ssuspetta li l-“ħabib” tiegħu kien qatel ġurnalista. Iżda jibqa’ l-fatt li xorta waħda ma nafx kif seta’ jkompli jiddefendi pubblikament il-ħbiberija tiegħu ma’ Yorgen Fenech mingħajr ma’ juri sogħba li l-“ħabib” tiegħu huwa taħt suspett raġjonevoli li qatel ġurnalista.

Iżda anki jekk hemm dubju dwar dan, Edward Zammit Lewis ma setgħax jinjora s-suspett li kellu kważi kulħadd f’moħħu li s-sid ta’ 17 Black – bniedem li Edward Zammit Lewis kien jaf daqs ħaddieħor li hu Yorgen Fenech – kien bniedem li jxaħħam lill-politiċi.

Dan ma jistax ħlief ifisser li jew Edward Zammit Lewis innifsu kien qed jixxaħħam minn Yorgen Fenech (u b’riħet dan ikollu jwarrab u jiġi mħarrek fil-qorti kriminalment) jew inkella xejn ma ddardar li jkun “ħabib” ta’ negozjant li kien ixaħħam lill-kollegi tiegħu (u b’riħet dan ikollu jwarrab u jfittex li jingħata l-għajnuna medika).

Dawn huma kollha raġunijiet il-għala għandu jwarrab jew inkella jitkeċċa. Iżda dawn m’humiex ir-raġunijiet ewlenin.

Ir-raġuni ewlenija li dwarha Edward Zammit Lewis għandu jwarrab jew jitkeċċa hi li fil-Parlament Edward Zammit Lewis kien ipprova jxekkel il-proċess li kellu jwassal biex tinkixef il-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienet qed timmina l-interessi tal-“ħabib” tiegħu Yorgen Fenech. U issa l-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġiet stabilita minn Imħallfin ta’ inkjesta indipendenti li ddikjaraw li l-provi li semgħu u l-evidenza li raw b’għajnejhom kienet biżżejjed biex setgħu jikkonkludu li Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet minħabba l-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel dwar l-iskandlu Electrogas, liema investigazzjonijiet kienu qed jimminaw l-interessi ta’ dawk li riedu jaraw il-proġett varat.

U dawn kienu grupp ġmielu ta’ persuni. U kien il-“ħabib” tiegħu Yorgen Fenech li allegatament xaħħam ministri biex akkwista l-kuntratt u li allegatament qatel ġurnalista f’attentat biex jgħatti xturu.

Huwa tassew fatt ironiku li kellu jkun il-Ministru tal-Ġustizzja li għandna illum li kien ġab ruħu b’dan il-mod. Fil-Parlament dan kien saħansitra tkellem kontra li ssir inkjesta indipendenti biex il-pajjiż isir jaf jekk l-Istat kellux sehem jew le fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dak iż-żmien kien għadu ma leħaqx Ministru tal-Ġustizzja. Kien biss membru parlamentari li, minflok tkellem biex iġib ‘il quddiem l-interessi tal-poplu li jirrappreżenta u mhux l-interessi personali tiegħu, tkellem biex iġib ‘il quddiem l-interessi tal-ħbieb mhux dikjarati tiegħu.

Agħatu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat li nġibed f’Diċembru 2018. Din hi r-raġuni ewlenija l-għala Edward Zammit Lewis għandu jwarrab – mhux biss mill-Kabinett iżda anki mill-Parlament.

Membri parlamentari li jippruvaw ixekklu l-ġustizzja meta din tkun qed timmira fuq il-ħbieb tagħhom m’hemmx posthom fil-ħajja pubblika. Ċertament m’hemmx posthom f’pajjiż demokratiku li jagħti x’jifhmu lill-qattiela ta’ ġurnalisti li jistgħu joqtlu kemm iridu b’impunità sħiħa. Din m’hix id-demokrazija li tixirqilna.

U dan qed niktbu ukoll f’isem il-votanti ġaħan li Edward Zammit Lewis tant jistmerr – u wkoll f’isem dawk il-votanti ġaħan li sal-lum għadhom japoġġjawh.