L-orizzont illum ħarġet tiddefendi lill-uniku persuna fil-PN li miegħu għandha l-grazzja, jiġifieri Adrian Delia. U ddieħku bl-istqarrija li għamlet Repubblika fis-sens li, kemm il-darba jiġu pruvati l-allegazzjonijiet li Adrian Delia kien ikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech dakinhar li kien qed isir dibattitu fil-Parlament dwar is-17 Black, huwa għandu jwarrab għal kollox mill-ħajja pubblika.
L-orizzont stqarret li Repubblika ħaditha drawwa li titlob ir-riżenji “għal kull ħaġa ta’ xejn”, bħal meta baqgħet tinsisti li Edward Zammit Lewis għandu jwarrab.
“Għal kull ħaġa ta’ xejn”.
Ejjew niflu ftit il-każ tal-avukat ġenerali Victoria Buttigieg li hi għaldaqstant ukoll il-prosekutur ewlieni.
L-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kkritikaw il-parir li din kienet tat lill-Ministri fis-sens li l-ftehim li kien intleħaq bejn il-gvern u l-Electrogas seta’ jiġi ffirmat minn Konrad Mizzi mingħajr il-barka tal-kollegi tiegħu tal-Kabinett jew tal-Parlament.
Fir-rapport tagħhom, it-tliet Imħallfin taw x’jifhmu li l-parir li kienu jagħtu huma kien ikun ferm differenti. Jeħtieġ nifhmu li din m’hix biss kwistjoni ta’ opinjonijiet jew dwar min dak iż-żmien kien inzerta li qed okkupa l-kariga u li allura kwistjoni ta’ “mitt bniedem mitt fehma”. L-Imħallfin qalu li meta Victoria Buttigieg (dak iż-żmien kienet tokkupa l-kariga ta’ Deputat Avukat Ġenerali u għaldaqstant kienet ukoll l-avukat tal-Istat) kienet tat il-parir li tat, kienet ukoll ħalltet ir-rwol tagħha ta’ avukat tal-Istat mal-idea żbaljata li hi kienet ukoll qed tirrappreżenta l-interessi ta’ Konrad Mizzi.
Dan m’huwiex punt legali. M’hix kwistjoni ta’ għoti ta’ parir li Imħallef ma kienx jaqbel miegħu. Iżda l-qofol hu li l-Imħallfin tal-inkjesta kkonkludew li Victoria Buttigieg naqset fid-dmirijiet kostituzzjonali tagħha. Minflok qdiet l-interessi tal-Istat, qdiet l-interessi ta’ Ministru. U f’dan il-każ, fejn l-interessi tal-Istat kienu ċari u tondi f’kunflitt mal-interessi ta’ Konrad Mizzi, Victoria Buttigieg għażlet l-interessi tal-Ministru.
Wieħed jeħtieġ jikkunsidra wkoll li l-ftehim li seħħ bejn il-gvern u l-Electrogas kien il-frott ta’ ftehim ieħor li kien seħħ barra l-qorti. Dan il-ftehim xi ħtieġa kien hemm għalih? Kien meħtieġ għaliex meta kienu għadhom biss qasmu nofs ix-xmara, tal-Electrogas tilfu s-sħab fin-negozju li f’idejhom kellhom il-finanzjament kollu. Kien hawn li tal-Electrogas kien messhom ġew skwalifikati mill-proċess tal-għażla. U l-banek urew ma kienux lesti li jiffinanzjaw il-proġett kemm il-darba l-gvern ma kienx lest li jiggarantixxi x-xiri tal-elettriku mingħand Electrogas bi prezz miftiehem, kien x’kien il-prezz tas-suq dinji, minkejja l-fatt li l-gvern seta’ jixtri l-elettriku bi prezz irħas bis-saħħa tal-interconnector, u – iftħu widnejkom beraħ – kienet x’kienet id-domanda għas-servizz tal-elettriku fil-pajjiż.
Qegħdin tindunaw li kien hemm kunflitt ċar bejn l-interessi tal-Istat u l-interessi ta’ Konrad Mizzi? L-interess tal-Istat (jiġifieri ta’ butek) hu li jara li l-flus pubbliċi jintefqu bil-għaqal. L-interess ta’ Konrad Mizzi kien li Malta, ikun x’ikun il-prezz, kellha tixtri l-elettriku mingħand l-Electrogas għaliex hu kien ser jixxaħħam u jgawdi personalment.
Għalissa, ejjew nassumu li Victoria Buttigieg ma kienitx taf x’kien qed iħawwad Konrad Mizzi fil-borma. M’għandix dubju li kienet fehmet li l-“ftehim ta’ barra l-qorti” kien ser iservi l-interessi tal-Electrogas għax kien ser isalvahom mill-għarqa.
Xi spiċċat għamlet Victoria Buttigieg? Għaddiet lill-tal-Electrogas l-abbozz tal-pożizzjoni tal-gvern u emendatu biex ikun jaqbel aktar għall-interessi tagħhom u spiċċat biex qdiethom mill-koxxa.
S’intendi din ser tgħid li mxiet fuq l-istruzzjonijiet tal-klijent tagħha. Li kieku l-klijent tagħha kien Konrad Mizzi, fiha u ma fihiex. Iżda l-klijent tagħha ma kienx Konrad Mizzi iżda l-Istat u hi għandha d-dritt mogħti lilha bil-Kostituzzjoni – u allura għandha wkoll l-obbligu Kostituzzjonali – li taġixxi biss fl-interessi tal-Istat.
Victoria Buttigieg m’hix persunaġġ politiku u għaldaqstant mhux mistenni li tkun minn ta’ quddiem nett biex iddabbar rasha meta jixxandar rapport ta’ nkjesta bħal dak li xxandar dan l-aħħar mill-Imħallfin. Iżda bħala uffiċjal tal-Istat, skont ir-rapport tal-inkjesta, l-imġieba tagħha ma kienitx xi waħda eżemplari.
Minn dakinhar li kien ġie ffirmat il-kuntratt tal-Electrogas, Victoria Buttigieg ingħatat promozzjoni. Illum hi tokkupa l-kariga ta’ avukat ġenerali u wkoll prosekutur tal-Istat.
Hi tiddeċiedi b’mod awtonomu għandhomx jinbdew jew le t-taħrikiet fil-qorti, nklużi taħrikiet dwar il-korruzzjoni dokumentata tajjeb li seħħet fil-każ tal-Electrogas. Iżda kif tista’ din tiddeċiedi li toħroġ taħrikiet kontra Yorgen Fenech, Konrad Mizzi u l-bqija meta l-każ tal-Istat kontrihom ta’ bilfors ikollu jinkludi l-mod li bih intleħaq il-ftehim mal-Electrogas? Il-provi f’dan il-każ iwasslu biex jimplikaw lilha u l-pożizzjoni tagħha mbagħad issir mhux tenibbli.
Tal-orizzont għandhom jifhmu li s-sejħiet għar-riżenji ma jsirux biex ikun hemm il-kastigi. Riżenja minnha nnifisha m’hix kastig. Il-kastig jasal aktar ‘il quddiem. Xi darba għad jitfaċċa xi avukat ġenerali ieħor li jista’ jfettillu jagħti daqqa t’għajn lejn dak li jipprovdi l-Kodiċi Kriminali fejn jidħlu sigrieti uffiċjali u l-ksur tas-sigriet professjonali u jara kif dawn japplikaw fil-konfront tal-imġieba ta’ Victoria Buttigieg fil-każ tal-Electrogas.
Iżda r-riżenji huma wkoll meħtieġa sabiex min ikun fil-ħatra ma jabbużax mis-setgħa tiegħu u jfixkel il-kors tal-ġustizzja. Sakemm Victoria Buttigieg tibqa’ fil-kariga ta’ avukat ġenerali x’inhuma ċ-ċansijiet li jinħarġu t-taħrikiet fil-qorti kontra dawk kollha li huma mdaħħlin fl-iskandlu Electrogas?
Biex tkompli tagħqad, Victoria Buttigieg kienet inħatret bħala prosekutur ewlieni minn Edward Zammit Lewis, bniedem li jkun jaqbillu personalment u politikament kemm il-darba ma jittieħdux passi dwar korruzzjoni kontra l-“ħabib” tiegħu Yorgen Fenech.
Meta kien feġġ l-iskandlu ta’ 17 Black, lil sieħbu Yorgen Fenech kien staqsieh x’deherlu mid-difiża li kien għamillu waqt konferenza stampa mnedija mill-Partit Laburista. U meta Edward Zammit Lewis ħatar lil Victoria Buttigieg (dik li kienet id-Deputat Avukat Ġenerali li, waqt in-negozjati tal-Electrogas, rċieviet struzzjonijiet mingħand l-avukati ta’ Yorgen Fenech) Yorgen Fenech kien diġa’ maqful il-ħabs u x’aktarx ma ngħatax permess jagħmel użu sħiħ minn mobile.
Għaldaqstant iddeċidew li jfaqqgħu l-bewsiet lil xulxin.
Għal kull ħaġa ta’ xejn, sinjuri tal-orizzont?