Semmejt lil Alex Muscat li ħataf kważi miljun ewro mill-flus maħtufin mill-bejgħ tal-passaporti biex tinxtegħel il-knisja ewlenija tal-Mosta, lokalità li tifforma parti mill-konstitwenza tiegħu.
Illum ħabbrilna “proġett” ieħor: dik li sejjħilha bħala “għalqa abbandunata” fil-Mosta ser jibdilha f’park pubbliku. Agħtu daqqa t’għajn lejn din il-kitba tiegħu fil-Facebook bħallikieku qed jistenna’ li jiġi beatifikat u mtella’ s-sema.
Taf x’inhi l-ironija? Din l-għalqa kienet tal-Knisja u kienet għaddiet f’idejn il-gvern bis-saħħa tal-ftehim bejn l-Istat u l-Knisja biex tkun tista’ tiġi wżata mill-pubbliku.
Dan l-imbierek ġab ruħu bħal dak il-ħalliel li jbiegħlek lil ommu biex imbagħad jisraqha mingħandek biex ikun jista’ ibiegħha lil ħaddieħor. Kellu mgħallem mustaċċun. Qabel sar segretarju parlamentari kien jaħdem bħala l-assistent ta’ Keith Schembri.
Aħna u nidħaddtu dwar ministri li jbiegħulek dak li diġà hu tiegħek, il-lejla l-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg ser jinawgura xogħlijiet li saru fiz-zuntier tal-knisja tar-Rabat. Ippermettuli niċċara dak li rrid ngħid.
Ir-Rabat, li jifforma parti mill-kostitwenza tal-Ministru, issa ser ikollu rħama li fuq hemm imnaqqax ismu, l-isem tal-arċipriet u l-ismijiet taċ-ċorma ħallelin li jaħdmu taħt il-kappa ta’ Ian Borg. Fost dawk imsemmijin fil-litanija hemm l-isem ta’ San Sandro Craus, dak li kien tgħabba bir-responsabbiltà li jdaħħal lil Melvyn Theuma – wieħed mill-qattiela ta’ Daphne Caruaan Galizia – bħala impjegat mal-gvern biex jagħmel xogħol fantażma u jitħallas talli ma jagħmel xejn. Jaqaw din xi promozzjoni għal San Sandro? Minn impjiegi fantażma għal taparsi restawr fil-lokalità tiegħu?
M’għandkomx b’xiex timpressjonaw irwieħkom. Agħtu daqqa t’għajn lejn dawn ir-ritratti li nġibdu llum fuq iz-zuntier tal-knisja ftit siegħat qabel l-inawgurazzjoni li ser issir b’tant pompa u xinxilli.
Dawn mhux biss għandhom il-wiċċ sfiq li jitolbu l-grazzi talli jagħmlu xogħolhom.
Il-grazzi Ian Borg jitlobha wkoll għal xogħol li ma jkunx għamel.