Jumejn ilu, it-TV tal-Labour stqarr li fuq l-għatba tal-bieb tal-Kwartier Ġenerali tal-Pulizija qed tinħema konġura “mill-establishment” biex tinsteraq is-setgħa minn idejn il-Partit Laburista. Il-“provi” ta’ din il-konġura kienu ritratt fejn jidhru saċerdot, ġurnalist, deputat tal-Oppożizzjoni u attivisti ta’ Repubblika, li lkoll kienu qrib xulxin. Minn hemm ‘il quddiem, il-portavuċi tal-Labour Karl Stagno Navarra stqarr li teżisti konġura tal-establishment li qed tinħema mill-Partit Nazzjonalista, mill-“mezzi tax-xandir”, mill-“knisja” u minn Repubblika.
Wara li xxandret din l-istqarrija, kien hemm reazzjoni immedjata mhux inqas minħabba li l-ġimgħa li għaddiet, il-gvern kien qed iwiegħed lill-NGOs internazzjonali favur il-libertà tal-istampa u lil żewġ delegazzjonijiet għoljin tal-Kunsill tal-Ewropa li mal-ġurnalisti Robert Abela kollox kien miexi sewwa.
Ma setax jonqos li wieħed minn dawk li lmentaw kien il-ġurnalist li kien fil-mira tal-One TV. jiġifieri Tim Diacono, l-editur politiku ta’ Lovin Malta li, bħala ġurnalista, kien il-Furjana fuq il-lant ta’ xogħlu biex jirrapporta dwar il-protesta. Huwa ma wera ebda simpatija għat-talba biex il-Kummissarju jiġi mġiegħel jieħu azzjoni dwar it-twettiq ta’ reati kriminali minn Konrad Mizzi. Il-preżenza tiegħu b’ebda mod ma setgħet titqies bħala approvazzjoni għal dak li kien qed iseħħ. Tabilħaqq meta tal-One TV jattendu għal xi attività ta’ Repubblika, l-aktar biex jagħtu fastidju lill-parteċipanti, dawn ma juru l-ebda approvazzjoni għal dak li jkun qed iseħħ.
Il-prim ministru kkundanna lil Karl Stagno Navarra talli dan xela lil Tim Diacono li kellu sehem fil-konġura tal-establishment u aktar tard Karl Stagno Navarra skuża ruħu talli kien semma’ lil Tim Diacono u stqarr li ma kellu ebda intenzjoni li jkeskes il-mibgħeda kontrih.
S’hawn kollox sew. Imma meta ġurnalisti jissemmew u jitqiegħdu fil-mira ta’ One TV, xogħolhom jaf isir impossibbli. Jiġu suġġettati għall-mibgħeda, jiġu insultati fit-triq, jiġu mxekkla milli jagħmlu x-xogħolhom bil-għan li jinfurmawna b’dak li jkun għaddej fil-pajjiż. Jekk, bis-saħħa ta’ dan l-inċident, tal-One TV fl-aħħar tgħallmu l-lezzjoni li jeħtieġ iżommu ‘l bogħod mill-ġurnalisti, mela għamilna xi ftit tal-progress.
Imma huwa inkwetanti ħafna l-fatt li l-prim ministru jidher li ta approvazzjoni indiretta lill-akkuża falza tal-One TV li jeżisti tripied (mhux b’erba’ saqajn) tal-establishment f’konġura u li, għalhekk, il-knisja, Repubblika u l-PN qed jipprovaw jaħtfu s-setgħa illegalment jew bl-użu tal-forza.
Meta kkundanna biss ir-riferenza li saret għal Tim Diacono, Robert Abela indirettament stqarr li l-povru ġurnalist bħallikieku nqabad jirrapporta dwar att Sataniku u ħasbu li kien Satanista huwa stess. Lill-ġurnalista ħassruh mix-xena iżda l-kumplament huma prova ta’ sedizzjoni tal-waħx.
Il-ġurnaliżmu ħieles huwa element li pajjiż demokrazija ma jistax jgħaddi mingħajru. Element ieħor essenzjali tad-demokrazija hu d-dritt tal-protesta, id-dritt tal-assoċjazzjoni, id-dritt tal-libertà tal-kelma, id-dritt li tikkritika lill-awtoritajiet. Ma’ dawn id-drittijiet hemm ukoll id-dmir tal-istat li jitkellem mas-soċjetà ċivili, li jisma’ l-fehmiet tagħhom u li jaċċetta u jħares il-protesti tagħhom.
Il-“kundanna” tal-bieraħ mill-prim ministru, b’Miriam Dalli tapprova, u l-“apoloġija” ta’ Karl Stagno Navarra ma jindirizzaw ebda wieħed mill-kwistjonijiet ewlenin ta’ dak li din il-ġimgħa ħolqu tal-One TV. Dawn ġibdu filmat u ġibdu ritratti ta’ protesta paċifika quddiem il-kwartieri tal-Pulizija mingħajr f’ebda ħin ma semmew x’kien is-suġġett tal-protesta.
Isem Konrad Mizzi ma ssemma’ qatt. Ma semmewx il-provi tal-korruzzjoni li hu jinsab imdaħħal fiha u li ilna nafu biha għal aktar minn ħames snin. Ma ssemmwx ir-raġunijiet l-oħra li għalihom għandu jiġi mixli u li, ironikament, kienu wkoll ir-raġunijiet li għalihom il-Partit Laburista spiċċa biex keċċieh mill-grupp Parlamentari.
Skont tal-One, il-protesta saret biss biex tinqata’ xewqet in-“nazzjonalisti” li jaħtfu s-setgħa minn idejn il-Partit Laburista. Att ta’ sedizzjoni li jimmina lid-demokrazija li, kieku tassew kien minnu, kien jistħoqqlu kull kundanna.
Il-protesti paċifiċi kontra politika jew kontra azzjonijiet (jew in-nuqqas tagħhom) ta’ gvern ifissru rispett lejn id-dritt ta’ dak il-gvern li jiggverna u, minnhom innifishom, huma talbiet biex il-gvern jaqdi dmiru.
Dawk li jagħżlu li jipprotestaw ikunu qed jgħidu lill-gvernijiet li dak li qed iwettqu jew dak li jonqsu li jagħmlu m’għandux mis-sewwa u li mhux biħsiebhom joqogħdu għal aġir bħal dan. Dawn ikunu qed jgħidu li lesti li jiskomodaw ruħħom (minn sodda komda f’iljieli kesħin u bi rwiefen qawwijin f’dan il-każ partikolari) biex iwasslu l-fehmiet tagħhom. Il-gvern jista’ jismagħhom, jista’ jara li għandhom raġun, jista’ jirranġa l-affarijiet u dawk li jipprotestaw ikunu jistgħu jmorru lura lejn darhom. Iżda jista’ wkoll jinjorahom u għaldaqstant ikomplu jipprotestaw.
Din il-ġimgħa, tal-Labour ma għamlu xejn minn dan kollu. Dawn użaw l-istazzjon tat-TV tagħhom biex jixlu b’sedizzjoni lil dawk li kienu qed jipprotestaw u qegħduhom fil-mira tal-mibgħeda tal-partitarji tagħhom. Il-prim ministru baqa’ ma kundannax din l-imġiba. Lanqas ma kkundannatha Miriam Dalli, għalkemm kienet fiżikament preżenti fl-istazzjon hekk kif Karl Stagno Navarra stqarr dak li stqarr. Li kieku kellha farka diċenza Miriam Dalli kienet bla tlaqliq turih in-nuqqas ta’ qbil tagħha waqt il-programm stess. Karl Stagno Navarra baqa’ ma skużax ruħu. U la kkundannawh u lanqas ma skużaw rwieħhom u b’hekk taw il-barka tagħhom għall-attakk fuq is-soċjetà ċivili.
L-eżempju jkaxkar. Il-bieraħ wrejt kif il-propaganda tal-One TV qed tiġi popolarizzata minn dawk li jriduha ta’ Laburisti. Għalkemm “Michael” ma jirrappreżentax lil dawk kollha li jivvutaw lill-Partit Laburista, huwa jirrappreżenta lil uħud minnhom li jiddelettaw bit-tfigħ ta’ affarijiet lejn dawk li kienu qed jipprotestaw huma u jsuqu l-karozza tagħhom fil-Furjana.
“Michael” qatt ma ltaqa’ mal-attivisti ta’ Repubblika. Qatt ma tkellem mal-membri tagħha, qatt m’attenda għall-attivitajiet, il-fehmiet tiegħu qatt ma ppermettielhom jitħalltu ma’ dawk tal-membri ta’ Repubblika ma jmurx jispiċċa jittieħed minn xi marda terminali. Lil Repubblika jafha biss minn dak li tgħid dwarha One TV u minn dak li jistqarr dwarha Karl Stagno Navarra.
Dan li ġej huwa l-ġudizzju tiegħu. (Segwi dan l-estratt qasir. Jekk trid tisma’ d-diskors tiegħu kollu mur fuq din il-paġna)
Għandu jimpurtana jew le minn dan kollu? Sakemm għadna hawn, forsi le. Iżda nitlobkom tagħtu daqqa t’għajn lejn silta oħra mill-priedka velenuża ta’ “Michael” fejn dan jitkellem dwar Daphne Caruana Galizia. Diskorsu mhu ħelu xejn u b’ebda mod ma nixtieq ngħin lil “Michael” ikompli jxerred il-velenu tiegħu. Imma qed nagħmliha biex infiehem aħjar il-fehmiet li nixtieq inwassal.
M’għandi l-ebda dubju li “Michael” qatt ma kien iltaqa’ ma’ Daphne Caruana Galizia, x’aktarx qatt ma qara kitbietha u li jafha biss minn dak kien sema’ dwarha minn fuq One TV.
Meta kkundanna dak li stqarr Karl Stagno Navarra dwar Tim Diacono, x’aktarx li Robert Abela wera li ftit fehem minn dak qalet l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Jiġifieri li l-mibgħeda li xxandret kontra l-ġurnalisti kienet ta’ theddida għal ħajjithom. Jekk sa fl-aħħar wasal biex fehmu, ċertament ikun ta’ ġid għall-pajjiż.
Iżda jidher li fehem ftit wisq jekk is-solidarjetà tiegħu waslet biss fil-konfront tal-ġurnalisti għaliex jidher li dawk li mhumiex ġurnalisti allura jistgħu jiġu akkużati bi tradiment u tixwix jew li xi establishment qed tikkonġura biex tagħmel ix-xkiel lill-gvern li jkun għażel l-elettorat.
Bħal-lum 99 sena ilu, Mussolini kien daħal Ruma u l-faxxiżmu sar il-kredu suprem li kien jiggverna l-Italja. Dan il-kredu mbagħad infirex f’pajjiżi sofistikati oħra li darba kienu pajjiżi demokratiċi bi tradizzjoni ta’ fehmiet pluralisti u ta’ libertà tal-kelma. Ta’ sikwit nonqsu milli nagħrfu t-twissijiet tal-faxxiżmu għax inħarsu lejh mil-lenti ta’ dak li jkun seħħ wara li pajjiż ikun inħakem mill-faxxiżmu.
Dak li jeħtieġ li nagħmlu hu li naraw x’kien qed iseħħ sakemm il-pajjiż inħakem mill-faxxiżmu li jkun feġġ mid-demokrazija. Jeħtieġ li jkun hemm ambjent demokratiku li jrabbi l-għeruq. Biex ikun jista’ jikber, il-faqqiegħ ikun jeħtieġ li jinżamm umdu. Il-faxxisti jużaw il-propaganda biex jivvintaw l-għedewwa, biex jimminawhom, biex jiżolawhom u biex iġibu l-iskużi bihom. Jivvintaw, jheddu u jxewxu kontrihom u mbagħad iwaħħlu fihom.
U jintimidaw lil min ikun imħajjar jissieħeb magħhom.
F’dan il-każ speċifiku, pereżempju, tal-One TV b’qerq liema bħalu xlew lill-Knisja li din kienet qed tikkonġura biex timmina l-awtorità tal-gvern. Lill-Arċisqof Charles Scicluna, bniedem li kliemu ma jogħmodux, ilhom li tefgħuh fil-mira tal-attakki tagħhom għax dawn jemmnu li jaqblilhom jiskreditawh u jiżolawh u jekk tal-Labour iridu monopolju tip faxxista fuq l-opinjoni pubblika, ma jistgħu qatt jittolleraw lil min ma jafx ilaqlaq.
Dawn huma mdorrijin li jippruvaw jagħmlu sarima ma’ ħalq il-qassisin. Imdorrijin li jwaħħlu fihom u li jġegħeluhom jisktu. Gvern razzist li jiġi jaqa’ u jqum mill-ambjent u li hu influwenzat bil-kbir minn interessi finanzjarji, lill-qassisin li ma jogħmodux kliemhom jarahom żejda.
L-inċident tal-One TV li seħħ din il-ġimgħa ma seħħx b’kumbinazzjoni. Kien opportunità li ħataf Karl Stagno Navarra u li Robert Abela baqa’ ma kkundannax.
Nitkellem dwar ir-riferenza għas-saċerdot għax anki meta aħna l-attivisti niddefendu rwieħna, nafu li hawn bosta li jemmnu li ħaqqna dak kollu li l-gvern jispara fid-direzzjoni tagħna mill-mezzi tax-xandir tiegħu.
Kelma li “Michael” jirrepeti għal bosta drabi fid-diskors tiegħu hi l-kelma “provokazzjoni”. Jgħid li protesti huma provokazzjoni li jiġġustifikaw il-vjolenza u l-kastigi li ħaqqhom jaqilgħu mingħand il-Laburisti li bir-raġun huma rrabjati. Fil-fehma tiegħu, mhux biżżejjed l-attakk li qed isir kontra l-attivisti ta’ Repubblika meta wieħed iqis il-kobor tal-provokazzjoni tagħhom. Jixli lil Robert Abela u lill-Partit Laburista bi dgħjufija fil-konfront ta’ dawn il-protesti. Skont “Michael”, għandhom iqumu u jikinsuhom ‘l hemm. U jekk ma jagħmlux dan, l-għada li jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni il-Partit Laburista, ikun lest li jagħmel dan hu.
Dan hu l-element aħħari li jwassal għall-qawmien tal-faxxiżmu. Bis-saħħa tal-qerq, tal-propaganda, tal-akkużi foloz kontra għedewwa li jeżistu biss f’immaġinazzjoni tagħhom u bil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tagħhom biex jiżolaw, iweġġgħu u jeqirdu lil min ma jaqbilx magħhom, il-faxxisti joħolqu mostru. Dan huwa l-mostru ta’ inizzjattiva privata, ta’ vendikazzjonijiet personali minn partitarji ta’ partit li jemmnu li qed iġibu ruħhom ta’ eroj fl-interess tal-partit tagħhom sal-punt li dan lanqas il-partit tagħhom mhu japprezzah.
Il-mibgħeda ta’ “Michael”, meta tiħdar biżżejjed, mhux se jkun il-Partit Laburista li jrażżanha. Robert Abela jista’ jġiegħel lil Karl Stagno Navarra jiskuża ruħu għax jimpjegah. Iżda “Michael” mhux ser jiġi kkontrollat.
Bħal dawk it-talin li tellgħu kitba fil-Facebook dwar kif jimmaġinaw għandhom joqtlu lil dawk li qed jipprotestaw, kull azzjoni tal-pulizija kontrihom tiġi kkunsidrata bħala waħda li mhix konsistenti mal-propaganda li l-partit tagħhom ilu jitmagħhom u jbellagħlhom. Għaliex jekk dawn huma tassew għedewwa tal-istat, għaliex għandhom jiġu kkastigati dawk li qed jheddu li joqtluhom? Bla dubju ta’ xejn “Michael” ma jemminx li għandha ssir ġustizzja ma’ dawk li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Il-propaganda tal-Labour ikkonvinċietu li kien ħaqqha l-mewt u, anki jekk issa tal-Labour bidlu d-diska, hu mhux se jibdilha.
L-elezzjonijiet demokratiċi jistgħu wkoll jintrebħu mill-faxxisti. U biex il-faxxisti jaslu biex juru s-sogħba tagħhom, inkunu rridu ngħaddu minn kalvarju, ikollna nagħmlu protesti mingħajr permess, irridu nkunu vittmi tal-propaganda u tal-indimidazzjoni u jkunu jridu jbeżżgħuna u jxerrdulna demmna.
Iżda biex ikunu jistgħu jirbħu, l-faxxisti jkunu jeħtieġuk li ssodd ħalqek.