Din hi l-omelija ta’ Patri Charlò Camilleri, O.Carm. waqt il-quddies ilbieraħ b’suffraġju għal Daphne Caruana Galizia:

F’dan il-jum li fih inġbarna hawnhekk biex infakkru l-ħajja u l-qtil ta’ Daphne, u nitolbu għall-mistrieħ tagħha ta’ dejjem, filwaqt li nqiegħdu tamietna f’Alla li kif tlabna fis-Salm “It-tjieba tiegħu hija fuqna” u li “hu l-għajnuna u t-tarka tagħna”, il-Qari tal-liturġija huwa tassew f’waqtu. Illum il-Kelma ta’ Alla tiftħilna għajnejna sabiex ngħarblu l-qalb tagħna fejn qiegħda, x’qegħdin infittxu u x’qegħdin nistennew mill-impenn għas-sewwa u l-ġustizzja.

Għandna qari qawwi minn Iżaija l-Profeta li jinqara ta’ kull sena fil-Ġimgħa l-Kbira u f’dan id-Disgħa u għoxrin Ħadd matul is-Sena u li erba’ snin ilu nzerta nqara wkoll fil-funeral ta’ Daphne. Miegħu l-Ittra lil-Lhud u l-Evanġelju jixprunawna ngħarblu quddiem il-kuxjenza tagħna il-motivazzjonijiet li minn qalbna jmexxuna. Iżaija huwa l-Profeta tal-Fidwa. Ismu jfisser “is-Salvazzjoni ta’ Alla”. Din is-silta tal-ewwel qari hija meħuda minn dak li l-istudjużi jsejħulu it-Tieni Iżaija u li jiġbor fih profeziji tas-seklu 6 QK miktubin fi żmien l-Eżilju.

F’din it-taqsima Alla juri l-ħsieb tiegħu li jagħmel minn Ġerusalemm (il-Belt tas-Sliem) il-qalba tat-treġija tad-dinja permezz ta’ Messija li mhux imexxi f’isem Alla, imma li Alla jmexxi permezz tiegħu, jew fih. Huwa minn din il-perspettiva li Iżaija jitħaddet kontra mexxejja li ngħaqdu flimkien biex ikissru għalkollox lill-poplu afdat f’idejhom u allura saħqu lill-ġusti u lill-fqajrin.

Il-mexxejja ta’ żmien Iżaija saħqu lill-poplu mhux biss fuq livell soċjali, imma iktar minn hekk fuq livell morali. Bi mġebithom u bl-għażliet tagħhom ħassru l-fibra morali tal-ġens li hu ta’ Alla bi dritt, u li f’idejhom hu afdat. F’kelma waħda Iżaija, f’din it-taqsima li minnha l-liturġija ta’ llum tislet dan il-qari qasir li qrajna, qiegħed jipponta subgħajh lejn il-problema fundamentali li minħabba fiha l-poplu inħataf fl-eżilju: il-korruzzjoni tal-fibra morali, il-korruzzjoni ta’ ruħu.

Huwa f’dan il-kuntest li s-silta tal-ewwel qari ta’ llum tinftiehem, dwar il-Qaddej Ġust ta’ Alla. Iżaija jgħidilna – ħa nerġa’ naqrah – li l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.

Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu; u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu. Il-ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra, u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.

Min hu dan il-Qaddej Ġust, il-Messija?

Fiż-żmien storiku ta’ Iżaija kien is-Sultan Ċiru tal-Persja, Ċiru l-Kbir li fit-treġija politika tiegħu saltan fuq il-ġnus imma li għaraf jirrispetta mhux biss id-drawwiet, imma l-fibra reliġjuża u spiritwali tal-popli li fuqhom ħakem. Huwa wkoll meqjus bħala wieħed li fl-Imperu tiegħu, ħoloq forma ta’ treġija li tirrispetta d-drittijiet umani fundamentali, prinċipji u normi morali meqjusin universali u li l-persuna tgawdi minnhom għall-fatt li hija bniedem. Drittijiet li fid-dinja moderna bdejna nsiru iktar konxji tagħhom b’mod strutturat sa mis-seklu dsatax.

Għalhekk l-Iskrittura lil Ċiru tagħtih it-titlu ta’ Messija, il-Midluk tal-Mulej. Huwa l-uniku mexxej pagan li r-Rivelazzjoni Bibblika żżejnu b’dan l-isem. Il-Messija huwa dak il-mexxej li mhux imexxi f’isem Alla imma jħalli lil Alla jmexxi permezz tiegħu. U din il-perspettiva mhux logħob bil-kliem imma tagħmel differenza kbira. Matul l-istorja reliġjuża u politika tal-bniedem, il-perspettiva ta’ mexxejja li jrieġu f’isem Alla wrietna li din tissarraf kważi dejjem f’mexxejja li jagħmlu lilhom infushom allat, u li jaħsbu, anke inkonxjament, li dan huwa tassew il-każ u allura jaġixxu bħala tali.

Minn din il-perspettiva u minn din il-loġika, il-poplu min-naħa l-oħra jibda wkoll iħares lejn il-mexxejja tiegħu bħala allat u jdawwarhom b’kult kważi reliġjuż. Dan kollu ma jsirx dejjem b’mod konxju. Inkunu konxji ta’ dan l-aġir meta aħna nistaqsu lilna nfusna l-mistoqsija: għalija x’hemm li ma jintmissx għall-ebda raġuni? X’hemm f’ħajti li ma nippermettix li jiġi kkritikat jew imqiegħed f’dubju? U nafu mill-ġrajja tad-dinja u wkoll ta’ pajjiżna, il-periklu, il-ħsara, l-abbuż u l-uġigħ li ġġib magħha din il-mentalità u dan l-aġir li minnhom ħadd – speċjalment l-istituzzjonijiet ċivili, ekkleżjali, u soċjali – ma għandu garanzija li mhux se jaqa’ fihom għax huwa hawnhekk li proprju Alla jsir idolu u l-ideal ideoloġija.

Il-Messija iżda, il-midluk tal-Mulej huwa l-mexxej li jħalli lil Alla jrieġi l-poplu permezz tiegħu. Il-Messija jaf li hu l-Qaddej, il-qaddej ta’ Alla u tal-poplu. U minn din il-perspettiva bibblika, il-mexxej veru huwa dak li jagħti ħajtu, huwa dak li, fi kliem Iżaija, “joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, u li r-rieda tal-Mulej isseħħ bih… għax il-ħażen tal-poplu jitgħabba bih hu”, u jifdih, jiġifieri joħorġu minn din il-lixka u minn din ix-xibka li tjassar.

Fl-Evanġelju Ġesù jistieden lill-Appostli tiegħu jibdlu l-perspettiva. Hu l-Messija li jagħti ħajtu, hu l-Messija Qaddej li permezz tiegħu Alla jmexxi. Fis-saltna tiegħu ma hemmx min hu l-ikbar minn kulħadd, ma hemmx post għall-kilba ta’ min se joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħu, ma hemmx lok għal tidwir manipulattiv, għax hu ma jħares lejn wiċċ ħadd. Fis-Saltna tiegħu hemm post biss għal min bħalu joffri lilu nnifsu, li jagħti ħajtu b’sagrifiċċju b’risq il-ġid komuni – jew fi kliem Ġesù: “b’fidwa għall-kotra”; sagrifiċċju fis-sens awtentiku u sabiħ ta’ tqaddis, għax il-kelma sagrifiċċju tfisser l-ewwel u qabel kollox azzjoni li tqaddes (minn sacrum facere) u li u allura tgħaqqad lill-bniedem miegħu nnifsu, mal-oħrajn, ma’ Alla u mal-ħolqien.

It-tradizzjonijiet reliġjużi jittraduċu dan it-tqaddis fir-riti tas-sagrifiċċju simboliku. Fil-każ tagħna l-Insara Kattoliċi, il-qsim tal-ħobż fl-ewkaristija, fil-quddiesa. Imma sakemm id-dinja tibqa’ timxi bil-loġika narċissista tal-poter u mhux tal-qadi, is-simbolika tas-sagrifiċċju se tibqa’ tiġi mgħawġa u abbużata mill-poter, f’ċirku vizzjuż li Massimo Recalcati, psikanalista ta’ żmienna, isejjaħlu il-ħares sagrifikali, fejn taħt il-pretensjoni li wieħed qed iħallas l-ogħla prezz, jitgawdew interessi personali u mhux il-ġid komuni. Fl-istess waqt, f’kuntesti bħal dan, it-tqaddis veru mill-qaddejja tas-Sewwa, u allura ta’ Alla, li jqumu fuq saqajhom u jgħollu leħinhom f’ġieħ is-sewwa, se jibqa’ jkun tqaddis (att sagrifikali) li jinvolvi t-tixrid tad-demm.

F’din il-loġika ta’ dnub strutturali min jingħata għaż-żamma tal-ogħla valuri se jibqa’ jkun vittma, kif ġara fil-ġrajja ta’ Kristu Ġesù li l-prinċipji tiegħu swewlu ħajtu u t-tixrid ta’ demmu. Fis-sagrifiċċju mdemmi ta’ Kristu u r-risposta ta’ Alla għalih bil-Qawmien mill-Imwiet, Alla darba għal dejjem qal daqshekk iktar sagrifiċċji mdemmija!

Ma għandux ikun li min jagħti ħajtu jew jiddedika ħajtu għal valuri ogħla, isir vittma! Fl-Għid ta’ Kristu Ġesù ġejna mifdija minn dan iċ-ċirku vizzjuż. U allura, aħna bħala nies ta’ fidi, irridu mhux biss inqumu kontra din il-loġika, imma wkoll nishru fuqna nfusna sabiex ma naqgħux fiha aħna wkoll. Il-Kelma ta’ Alla llum lilna lkoll tistedinna sabiex neżaminaw il-kuxjenza tagħna u nħarsuha milli tidħol f’din il-loġika tad-dinja, li biex timxi u ddur, tgħaddi bħal romblu b’wirja ta’ poter fuq il-ġusti u n-nies sewwa.

Jekk f’qalbna tassew hemm ix-xewqa ta’ dinja aħjar, jekk f’qalbna hemm tassew ix-xewqa tal-ġustizzja, jekk f’qalbna hemm tassew ix-xrara tas-sewwa, allura ma nistgħux inħallu lilna nfusna nidħlu fil-loġika tad-dinja li tibqa’ toħloq vittmi sagrifikali minħabba xi forma jew oħra ta’ ideoloġija, tkun liema tkun. It-triq waħdanija u sigura hija dik li nidħlu fil-loġika ta’ Alla.

Inkella jiġrilna li anke x-xewqat u l-aspirazzjonijiet u l-attiviżmu tagħna għal dak li hu sewwa u ġust, isiru minnhom infushom ideoloġija u forma ta’ idolatrija li tkompli toħloq vittmi b’modi oħra, forsi iktar sottili. L-Ittra lil Lhud illum tħeġġiġna biex “nersqu b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu”.

Huwa minn dan it-tron tal-grazzja, li minnu Sidna l-Mulej irieġi kollox, li aħna nitgħallmu din il-loġika ġdida ta’ Alla li tirbaħ bil-verità fl-imħabba. Jekk fit-taħbit tagħna għal dak li hu sewwa u ġust ma nimxux b’dan il-mod, dan it-taħbit isir telfien ġa sa minn qabel inkunu biss bdejna għax inkunu ħallejna l-loġika tad-dinja tirbaħna.