Tgħid ma jsirux rapporti dwar qerq u frodi marbutin mal-infiq ta’ fondi Ewropej f’Malta għaliex qed ngħixu f’pajjiż uniku fid-dinja li huwa nieqes mill-kriminalità? Jew għaliex ninsabu mgħaddsin sa geddumna fil-ħara u mnifsejna tant draw ir-riħa tinten li m’għadniex inxommuha?
Il-prosekutur tal-Unjoni Ewropea Laura Kovesi llum laqtet il-musmar fuq rasu. L-aġenziji Maltin tal-infurzar ma jinvestigawx il-kriminalità finanzjarja. Ma jintebħux biha meta tkun quddiem għajnejhom. U jekk jaħsel jintebħu, jagħmlu tabirruħom li ma raw b’xejn.
Ir-responsabbiltà ħadd ma jindenja ruħu jerfagħha. Il-Pulizija tgħid li tistenna lil tal-FIAU biex jgħidu tagħhom. Tal-FIAU jgħidu li m’għandhomx għodda biex imexxu bil-qorti. L-Avukat Ġenerali m’għandux ħin biżżejjed għad-dispożizzjoni tiegħu. U lkoll jgħidu li qed jistennew lill-Maġistrat biex itemm l-inkjesta. Sadattant, il-Maġistrati la għandhom biżżejjed skrivani, la għandhom il-ħin u lanqas m’għandhom tagħrif speċjalizzat. Dawn iserrħu fuq il-Pulizija biex jinvestigaw, fuq tal-FIAU biex jirċievu t-tagħrif u fuq l-Avukat Ġenerali biex jiċċaqlaq u jmexxi bil-qorti.
Għall-mument ejjew ninsew l-ipotesi li Pawlu ta’ Tarsu – dakinhar li xeħet is-serp fin-nar – barra milli kien xejjen il-velenu qattiel, kien ukoll warrab minn fuqna x-xeħta li għandna għall-qerq u għat-tixħim, il-fatt li l-awtoritajiet Maltin ma sabu xejn ħażin fl-infiq minn pajjiżna ta’ biljuni ta’ ewro f’fondi Ewropej ma jistax ħlief ifisser – kif stqarret Laura Kovesi – li ħadd mhu jagħti każ.
Ilna żmien twil nissieltu ma’ din il-problema. Mill-qasam Malti tas-servizzi finanzjarji u dak tal-gaming jgħaddu l-biljuni ta’ ewro. Iżda, sa ftit żmien ilu, ftit kienu dawk li qatt ġew mixlija bir-reat ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin. Jekk mhux iseħħ il-ħasil tal-flus, il-flus m’għandhomx jgħaddu. Jekk il-flus qed jgħaddu, għallinqas xi ftit minnhom huma flus maħmuġin. Żgur mhux ser ikun hemm l-indafa jekk nibqgħu b’idejna fuq żaqqna. F’pajjiżi oħra jinkisbu r-riżultati għaliex isiru investigazzjonijiet bis-serjetà.
Aħsbu ftit. Qed ngħixu f’pajjiż li fih il-Pulizija baqgħet ma ħaditx passi kontra Konrad Mizzi f’każ ta’ tixħim minkejja l-fatt li l-provi ilhom f’idejha għal żmien twil.
F’okkażjonijiet rari ssib lil min jgħidha bla tlaqliq. Laura Kovesi hi waħda minn dawn. Illum qaltilna dak li suppost ilna nafuh.
Li hu żgur hu li m’aħna ser ngħaddu biż-żmien b’ħadd.