Konrad Mizzi qed jipprova jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet skomdi. Waqt l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne kemm-il darba rrepeta l-kliem: “nagħżel li ma nweġibx”, ħaġa li kellu dritt jagħmel għaliex ebda xhud ma jista’ jiġi mġiegħel jinkrimina ruħu. Illum ħabbar li ma kienx biħsiebu jattendi l-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi li talbu jwieġeb mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-Electrogas u xandar kitba fil-Facebook b’ħafna tifħir lilu nnifsu.
Jista’ xi ħadd jagħżel li jinjora ordni biex jidher quddiem Kumitat Parlamentari? Deputat Parlamentari jista’. Minkejja l-fatt li l-Kumitati Parlamentari għandhom il-jedd li jordnaw xhieda biex jidhru quddiemhom biex dawn iwieġbu mistoqsijiet, m’għandhomx il-jedd li jġiegħlu membru parlamentari biex jagħmel dan.
Għalkemm Konrad Mizzi mhux ser jiffaċċja konsegwenzi talli jonqos milli jidher, xorta waħda għażel triq ħażina. Li kieku kellu tweġibiet kredibbli x’jagħti, li kieku l-istorja tiegħu tagħmel sens, li kieku għandu l-ħila li jġib argumenti u jressaq provi biex jiddefendi lilu nnifsu, din kellha tkun opportunità għalih biex inaddaf ismu.
Iżda ismu, Konrad Mizzi ma jistax inaddfu. U din hi proprja r-raġuni wara l-fatt li qed jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet. Huwa għadu jittama li, hu u jaħrab mill-mistoqsijiet skomdi, ma jtemmux ix-xogħol li qed jaħseb li qed jagħmlu l-investigaturi biex jinġabru biżżejjed provi quddiem qorti li hu kien ixxaħħam u ħasel flus maħmuġin.
Hu x’inhu, diffiċli li wieħed jifhem kif dan għadu ma tressaqx quddiem il-qorti. Huwa mhuwiex jiċħad li kien ħoloq kumpannija fil-Panama u trust fi New Zealand. Mhuwiex jiċħad li s-sid tagħhom huwa hu. Huwa qed iwaħħal fl-accountants talli dawn kixfu lill-kumpannija tiegħu bħala dik li rċieviet il-miljuni mingħand kumpanniji li s-sidien tagħhom huma Yorgen Fenech u Cheng Chen, li t-tnejn kienu mgħaddsin sa xfar għajnejhom fil-kuntratti li kien ukoll imdaħħal fihom Konrad Mizzi.
Skont Konrad Mizzi l-accountants tiegħu kienu għamlu żball meta lil Mossack Fonseca għarrfuhom li kuljum hu kien ser jirċievi eluf ta’ ewro li ma kellux dritt li jirċevihom. Ibqgħu ċerti li Konrad Mizzi sal-aħħar ser jibqa’ jgħid li hu innoċenti.
Iżda qorti ser tasal biex temmnu? Qorti qatt tista’ temmen l-iskuża li l-accountants li kien qabbad huwa stess kienu rranġawlu minn wara dahru biex jirċievi l-mijiet tal-eluf f’tixħim?
M’għandniex xi ngħidu, jeżisti riskju. Jekk jitressaq il-qorti u jsirulu l-mistoqsijiet iżda, għal xi raġuni, joħroġ liberat, ma jkunx jista’ jerġa’ jitressaq il-qorti.
S’issa il-fatt hu li għadu ma tressaqx il-qorti. Mhux magħruf jekk għadu ma tressaqx minħabba l-biża’ li għalissa għad m’hemmx biżżejjed provi jew għaliex hemm min qed jistenna li xi ħadd jikxef l-għawwar kollha.
Ilna ngħidu mill-2016, meta kienu nkixfu l-Panama Papers, li Konrad Mizzi ma jistax jaħrab dak li huwa destinat għalih. Iżda l-fatt li l-proċess qed jieħu ż-żmien ifisser li Konrad Mizzi qed jitħalla jkompli bil-kummiedji bħal din tal-lum.
Ma nistgħux inħallu dawn it-teatrini jaljenawna.
L-inevitabbli ma jibqax jitqies bħala tali dakinhar li Konrad Mizzi ma jibqax jirċievi stediniet għal festini li, kieku kellu jagħżel, jippreferi li jaqbiżhom.