Fil-preżent lill-gvern xejn mhuma jdejquh dawk li qed ifasslu l-programmi ta’ attwalità tat-TVM. Ma’ dak l-istazzjon, kull min kellu xrara ta’ imparzjalità ilu li tqabbeż ‘il barra. Iċ-ċirkolari li tqassmet u li nkixfet mit-Times of Malta u li lil dawk li jfasslu l-programmi ordnatilhom biex javżaw lill-management minn ħmistax qabel, turi l-istat miskin u partiġġjan li fih waqa’ l-istazzjon nazzjonali. Diġà konna ilna nafu b’dak li qed iseħħ.

Iċ-ċirkolari fiha dettall stil Sovjetiku. Il-kliem “ħmistax” u “attwalità” jikkontradixxu lil xulxin. Programm ta’ attwalità jkun ta’ sugu biss jekk jittratta dwar aħbarijiet li jkunu għadhom kemm seħħew, jekk jirreaġixxi fil-pront għall-attwalità u jekk imexxi storja ‘l quddiem b’mod pro-attiv.

Issa jista’ jagħti l-każ li jkun hemm perjodu qasir li jkun niexef mill-aħbarijiet u meta dan ikun il-każ min ifassal il-programmi jkun jeħtieġ li “jimla” l-vojt billi jipprovoka diskussjoni dwar suġġetti li mhux neċessarjament ikunu ta’ attwalità. Madankollu d-dmir ewlieni tal-istazzjon xorta waħda jibqa’ li jirrapporta dwar dak kollu li qed iseħħ fil-pajjiż.

Jekk tat-TVM jiddeċiedu li jiddiskutu ġrajjiet ħmistax wara li jkunu seħħew, l-istazzjon jinbidel f’arkivju tal-istorja uffiċjali.

X’inhi l-importanza ta’ dan kollu? Huwa ċar li l-gvern u l-Partit Laburista jridu jserrħu moħħhom li dawk li jfasslu l-programmi tat-TVM ikunu persuni li jappoġġjawhom u li huma partiġġjani fix-xogħol tagħhom. Il-fatt li dawn huma lesti li jbaxxu rashom għall-kontroll u għall-aġenda tal-gvern juri li huma servili u li lesti joqogħdu għal ordni li mhi xejn ħlief attakk fil-beraħ fuq l-indipendenza ġurnalistika tagħhom. Iżda l-fatt jibqa’ li dawn m’għandhom ebda indipendenza u għaldaqstant ma jħossu li hemm ebda element ta’ ndħil.

Huwa biss skuża l-argument li stazzjon televiżiv għandu jkollu linja editorjali. Ix-xandir pubbliku għandu vokazzjoni u missjoni li jipprovoka dibattitu pubbliku u li jxandar fehmiet opposti. Għandu l-obbligu li jinvestiga u li jikxef imġiba li tkun ħażina u kontra l-etika. Għandu wkoll l-obbligu li jkun imparzjali u li jxandar il-fehmiet kollha dwar suġġetti ta’ kontroversja. Meta jkollhom kollox imsejjes fuq dawn il-prinċipji, il-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu b’mod awtonomu u jkunu kontabbli lejn l-edituri li wkoll iġibu ruħħom ta’ ġurnalisti u mhux ta’ “managers”.

Fil-preżent it-TVM dawruh f’aġenzija tal-istat li jservi l-interessi tal-gvern u tal-partit fil-gvern. U dawk li jfasslu l-programmi ta’ attwalità qegħdin hemm biex jaqdu dawn l-interessi. Iżda ara ma tmorrux tiġru bl-idea li dan is-serviliżmu kollu huwa biżżejjed għal dawk li jikkontrollaw l-imħuħ f’Kastilja! Dawn iridu li jkollhom biżżejjed żmien biex ifasslu n-narrativa  u li jiddettaw x’għandhom ikunu s-suġġetti li jitkellmu dwarhom in-nies. Fi ftit kliem ma jridux li ma’ wiċċhom  jkollhom is-sorpriżi li ta’ sikwit iġġib magħha r-realtà.

Ħafna drabi, strateġija bħal din taf tagħti l-frott. Bħalissa l-pajjiż qed jitkellem dwar is-sistema tat-trasport ta’ taħt l-art bħallikieku din ser tinbena mil-lum għall-għada.

Iżda x’jiġri meta l-pajjiż ikun jeħtieġ li jitkellem dwar suġġetti importanti li jkunu attwali? X’jiġri meta nsiru nafu li lil Rosianne Cutajar ffrankawlha milli tidher quddiem il-kumitat dwar l-etika tal-Kunsill tal-Ewropa? X’jiġri meta l-pajjiż jinxteħet fil-Lista l-Griża mill-awtoritajiet tad-dinja ta’ kontra l-kriminalità finanzjarja? X’jiġri meta l-ġrajjiet ma jseħħux skont kif ikun ippjana l-gvern?

Ikollna nistennew ħmistax-il ġurnata biex dawn ikollhom biżżejjed żmien biex jaslu għal konklużjoni dwar min għandu jitkellem u dwar x’għandu jingħad.

Ta’ sikwit niftakar fid-diżatru li kien seħħ f’Chernobyl. Dan il-każ huwa eżempju klassiku ta’ kif, waqt kriżi, tfalli sistema li tipprova tikkontrolla lill-imħuħ. Meta kien seħħ id-diżastru f’Chernobyl, kienu għaddew ġranet u anki ġimgħat sħaħ sakemm ix-xandir tal-istat wasal biex irrikonoxxa li kienet seħħet traġedja.

Gvernijiet li għandhom is-setgħa li jikkontrollaw il-kontenut tal-aħbarijiet ħafna drabi jagħmluha fatta li għandhom is-setgħa wkoll li jwaqqfu l-passaġġ tal-ħin u li jipposponu l-konsegwenzi. Min ħareġ iċ-ċirkolari tat-TVM b’ordni lil dawk li jfasslu l-programmi li jagħtu avviż minn ħmistax qabel dwar dak li jidhrilhom ser ikunu suġġetti ta’ attwalità fil-ġejjieni, kien qed jobdi biss l-ordnijiet tat-tiranni li ma jafux x’inhuma jagħmlu.

Il-gvern irid ikun jaf is-suġġett ewlieni li ser ikun fiċ-ċentru tal-aħbarijiet fi żmien ħmistax-il ġurnata oħra għar-raġuni li qed ifassal pjan li minn issa jwassal sal-elezzjoni ġenerali u assolutament ma jridx li jkun hemm sorpriżi. U jekk tabilħaqq iseħħu s-sorpriżi, ma jridux li jaljenawna minn dak li huma jriduna nitkellmu dwaru. Meta l-gvern jammetti b’mod indirett li mal-partit fil-gvern ser tikkandida ruħha mara li kienet aċċettat flus mingħand Yorgen Fenech bħala ħlas talli ddefendietu fi Strasbourg u fil-Parlament Malti, xorta waħda jriduna nitkellmu dwar jekk ir-raħal tal-Mellieħa għandux ikollu aċċess għat-trasport ta’ taħt l-art.

Kontroll bħal dan huwa effettiv u jippermetti lill-gvern li jabbuża mix-xandir pubbliku biex b’hekk ikun jista’ jiddomina n-narrativa. Iżda dan mhux dejjem jirnexxi u kultant il-kontroll jaħrab minn taħt idejn il-gvern.

Speċjalment jekk waqt li qed nitħaddtu dwar dak li seħħ illum, tat-TVM jibqgħu mwaħħlin ma’ aġenda li tkun ġiet imfassla għalihom ħmistax ilu.