Il-gvern ma jsegwi ebda regoli u m’hemm ħadd li jista’ jgħarbel il-mod kif jonfoq flus pubbliċi f’dak li huma riklamar u relazzjonijiet pubbliċi. F’bosta pajjiżi oħra jeżistu liġijiet li ma jippermettux ministri li jonfqu flus il-poplu f’propaganda partiġġjana. Kull gvern huwa fid-dmir li jinforma lill-poplu dwar dak kollu li jkun qed jagħmel. U biex il-poplu jkun jista’ jiġi infurmat dwar, ngħidu aħna, tibdil fil-liġijiet jew dwar il-positijet fejn għandu jsir it-tilqim kontra l-mard, jeħtieġ li jsir ċertu nfiq ta’ flus.
Iżda hawn Malta l-gvern jonfoq il-flus biex joqgħod jiftaħar b’rixu. Il-gvern jaf li s-sena d-dieħla l-mandat tiegħu ser jintemm u jeħtieġ li tissejjaħ elezzjoni ġenerali x’aktarx fl-ewwel ġimgħat jew xhur tas-sena l-ġdida.
Il-baġit li ppreżenta l-gvern fil-Parlament ftit ġimgħat ilu mhuwa xejn ħlief il-programm elettorali tal-Partit Laburista. Huwa sensiela ta’ wegħdiet li jissarfu kemm-il darba tal-Labour jerġgħu jirbħu l-elezzjoni. Tal-Labour, l-elezzjoni x’aktarx jerġgħu jirbħuha. Iżda m’għandniex għallinqas nistennew li pajjiżna huwa demokrazija normali fejn il-gvern ma jġibx ruħu bħallikieku diġà għamilha fatta?
Minkejja l-fatt li l-gvern stqarr li t-twettiq tal-miżuri tal-baġit jiddependu fuq ir-riżultat tal-elezzjoni li jmiss, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qabad u ddeċieda li jonfoq kważi €500,000 f’reklami u f’relazzjonijiet pubbliċi li f’pajjiżi demokratiċi oħrajn żgur ma kinux jiġu permessi.
Dawn iċ-ċifri xxandru fil-Parlament fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saret minn Karol Aquilina. Clyde Caruana qallu li kien nefaq €206,067.20 f’dawk li huma “loġistika”, li x’aktarx ifisser spettakli li fihom il-gvern “iniedi” il-pjanijiet tiegħu għall-baġit bħallikieu qed iniedi l-ħruġ fis-suq ta’ xi karrozza ġdida Audi. Intefqu €94,663.96 f’dawk li huma disinn u stampar u €138,073.25 intefqu f’riklamar fuq il-mezzi tax-xandir.
Il-gvern ma tax dettalji dwar il-mod kif qassam l-infiq dwar il-baġit fost il-mezzi tax-xandir, ħaġa li f’pajjiżi demokratiċi u trasparenti hi normali. Wara kollox dan l-infiq ikun ħareġ mill-kaxxa ta’ Malta, jiġifieri flusna tagħna lkoll, iżda qed jintefqu biex minnu jgawdu dawk il-mezzi tax-xandir li jappoġġaw lill-gvern. €138,073.25 ġa tħallsu lil One TV, lil mezzi oħra tal-labour u lill-General Workers’ Union. Bħallikieku dawn kellhom bżonn li jitħallsu biex joqogħdu jfaħħru lill-gvern. U flejjes oħra tħallsu lil dawk il-mezzi tax-xandir li s-“sid” indirett tagħhom huwa l-Partit Laburista.
L-iskandlu mhuwiex dwar kemm intefqu flus. Iżda l-fatt li pajjiżna m’għandux liġijiet li jgħidu li dan l-aġir mhuwiex skont is-sewwa.