Robert Abela għadu ma xebax jgħatti xtur Rosianne Cutajar. Il-prim ministru u l-gvern tiegħu jafu ben tajjeb li din mhux biss qed tħammar wiċċ pajjiżna, iżda jafu wkoll li l-imġiba tagħha mhi aċċettabbli xejn. Ilbieraħ għamlu ammissjoni indiretta li kumitat indipendenti ta’ membri parlamentari Ewropej kienu appik waslu biex ikeċċuha mill-Kunsill tal-Ewropa dwar kwistjoni ta’ prinċipju. U, minflok ħalla l-proċess jasal fi tmiemu, Robert Abela għalqilhom it-triq. Minflok irrikonoxxa sitwazzjoni inevitabbli li kienet ser iġġiegħlu jkeċċi lil Rosianne Cutajar mill-Partit Laburista, ra kif għamel biex jiggarantilha l-impunità.

Mhux ta’ b’xejn li Rosianne Cutajar iġġib ruħha bħallikieku ħadd u xejn ma jista’ għaliha. Mhux ta’ b’xejn iġġib ruħha b’ardir liema bħalu. Jiġri x’jiġri u nsiru nafu kemm insiru nafu bin-namrar tagħha mal-mafjuż li jinsab mixli li qatel ġurnalista bil-għan li jgħatti l-kuntratti maħmuġin tiegħu mal-gvern, din Rosianne tibqa’ turina li ħadd ma jista’ jtajjarha mix-xena politika.

U ma’ dan kollu, il-gvern jinsab kompliċi.

Minkejja l-arja kollha tagħha u minkejja l-paroli li għandha seba’ mitt sena biex twieġeb għall-akkużi dwar nuqqas ta’ etika fl-imġiba tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, bilġri dabbrulha rasha biex b’hekk tkun tista’ tevita li twieġeb għal għemilha.

Fil-Parlament Malti seħħet l-istess ħaġa. Tgħidx kemm ftaħret li kellha seba’ mitt sena biex tara lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika jagħtiha raġun. Iżda meta dan ir-raġun baqgħet ma ħaditux, ġiegħlet lill-gvern jgħattilha xturha biex b’hekk tgħaddiha lixxa.

M’għandniex xi ngħidu dan l-aġir wassal messaġġ li jekk għandek relazzjoni “privata u personali” ma’ mafjuż, ma jkun jista’ għalik ħadd. La jkun hemm konswegwenzi kriminali u lanqas konsegwenzi politiċi.

Din mhix kwistjoni dwar Rosianne Cutajar biss. Ma nistax ma nissuspettax li Robert Abela ma kienx joħroġ għonqu biex jgħattilha xturha li kieku din kellha xi relazzjoni ma’ xi ħadd kwalunkwe. Ir-relazzjoni li din kellha kienet ma’ bniedem li jinsab mixli mill-Istat li ppjana l-qtil ta’ ġurnalista. Aħsbu ftit. Robert Abela mhu jagħmel xejn ħlief ibierek l-influwenza ta’ Yorgen Fenech fuq il-ħidma tal-gvern.

Rosianne Cutajar ser terġa’ tkun kandidata mal-Partit Laburista għall-elezzjoni li ġejja. Il-partit tagħha ser ikompli jagħtiha r-riħ u dnubietha mhux biss ser ikunu maħfura iżda ser jixli lin-Nazzjonalisti b’gideb fil-konfront tagħha.

Min jaf għaliex, hux? Tgħid lil Rosianne Cutajar tal-Labour ma jistgħux jgħaddu mingħajrha aktar milli jistgħu jgħaddu mingħajr Chris Cardona, Konrad Mizzi, Keith Schembri u forsi anki Joseph Muscat? Jekk dawn kollha jistgħu jitkeċċew jew imġiegħla jwarrbu, x’inhi r-raġuni li r-relazzjoni li Rosianne Cutajar għandha ma’ Yorgen Fenech hi aċċettabbli għal Robert Abela?

Kif qatt tista’ tkun aċċettabbli li deputat Laburista tipprova tgħatti kunflitt ta’ interess ċar bħal dan hi u titkellem fil-Parlament u quddiem l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiddefendi lil xbinha? Kif qatt jista’ jkun aċċettabbli li din iddaħħal f’butha l-eluf f’senserija minn negozji li fihom kien imdaħħal Yorgen Fenech u dan mingħajr ma tiddikjarahom? Kif qatt jista’ jkun aċċettabbli li din tirċievi flejjes kbar mingħand Yorgen Fenech u fl-istess waqt toħroġ tiddefendih pubblikament biex tgħid li hu innoċenti?

Dan mhuwiex aċċettabbli. U ma jindika xejn ħlief li Robert Abela jġib ruħu l-istess bħalma kien ġab ruħu Joseph Muscat li kieku kellu jiġi mġiegħel jiddeċiedi għandux ikeċċi deputati jew uffiċjali tal-partit li jinsabu qaqoċċa mal-kriminalità organizzata jew inkella għandux, tajjeb jew ħażin, jipprova jippriserva d-dehra li l-partit jinsab magħqud.

Ma nitgħallmu qatt.

Rosianne Cutajar ser terġa’ tittanta xortiha biex titla’ fil-Parlament u taqta’ xewqitha li terġa’ tkun fil-kabinett. Dak li seħħ fl-2017, ser jerġa’ jseħħ. Din ser tibqa’ tingħata l-kenn u l-ftaħir wara l-elezzjoni ser jiġi segwit b’diżastru katastrofiku ftit taż-żmien wara.

Dan il-gvern illum qed jiżra’ ż-żerriegħa tal-qerda tal-gvern li jmiss.