Il-Qorti li quddiemha qed tinstema’ kawża ta’ libell li għamel Carmelo Abela kontra Jason Azzopardi ċaħdet talba ta’ Jason Azzopardi biex jinġiebu l-istqarrijiet li kienu għamlu band’oħra Ċensu Muscat il-Koħħu u l-aħwa Degiorgio.

Band’oħra u waqt proċeduri tal-qorti dawn il-persuni – wieħed minnhom diġà ġie misjub ħati u t-tnejn l-oħra qed jistennew li jgħaddu ġuri mixlijin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – kienu taw ħjiel, implikaw minn kliemhom jew inkella allegaw li Carmelo Abela kien imdaħħal fl-attentat ta’ serqa mill-kwartier tal-HSBC fl-2010.

Jason Azzopardi kien tkellem dwar dan u Carmelo Abela għamillu libell fuq malafama.

Jason Azzopardi mhux ser ikun jista’ jipprova Carmelo Abela kien seraq minn bank għax ra kollox b’għajnejh.

Iżda l-kwistjoni mhix dwar x’jaf jew x’ma jafx Jason Azzopardi.

Il-kwistjoni hi li persuni notorji implikaw ministru tal-gvern f’attentat ta’ serq armat. U l-ministru mhuwiex jaħtaf kull opportunità li tiġi quddiemu biex inaddaf ismu.

Illum kellu l-opportunità li jagħmel dan. X’inhi r-raġuni li, permezz tal-avukat tiegħu Pawlu Lia, Carmelo Abela oġġezzjona għat-talba ta’ Jason Azzopardi sabiex fil-qorti jinġiebu l-istqarrijiet li kienu għamlu dawn il-persuni? Li kieku kien tant konvint mill-innoċenza tiegħu stess għaliex oġġezzjona u għaliex talab il-qorti tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni?

Għaliex m’għamilx bħal Joseph Muscat u lil Jason Azzopardi qallu ‘bring it on’?

U, wara kollox, x’inhi r-raġuni li qed iħarrek proprju lil Jason Azzopardi? X’ser jipprova b’daqshekk? Għaliex għażel li jħalli d-dubji jberrnu fl-imħuħ tan-nies meta kixfuh dawk li ammettew li kienu kompliċi u hu m’għamel xejn biex inaddaf ismu?

L-imġiba tiegħu ma sserraħ moħħ ħadd.