X’aktarx li Simon Mercieca mingħalih li jien ma tantx nikkummenta dwar il-ħmerijiet grossolani li jikteb minħabba l-kampanja ta’ fastidju “Tibqgħux tiktbu dwar Simon Mercieca (u dwar Yorgen Fenech)”.
Ma tantx nikteb dwar il-ġenn ta’ moħħu, l-aktar għax nitħassru. Iżda jseħħu drabi li fihom ikolli nagħmel eċċezzjoni u dan b’rispett lejn ħaddieħor.
Araw ftit kif Simon Mercieca qed jipprova jgħatti xtur Alex Dalli.
X’inhi r-raġuni wara dan il-dlik kollu ta’ Alex Dalli bix-xema’ minn Simon Mercieca? Diffiċli li wieħed jifhem b’ċertezza iżda jidher li t-tnejn għandhom ċerta ammirazzjoni għall-vjolenza, għas-setgħa bis-saħħa tal-biża’ u l-forza u għall-metodi tal-faxxiżmu.
L-“awto-sospensjoni” ta’ Alex Dalli, Simon Mercieca jqisha bħallikieku hi xi sfida minn naħa tal-liberali kontra d-dritt naturali li jippretendi li għandu Alex Dalli biex ikun id-direttur tal-ħabs. Mid-dehra l-professur il-miġnun qed jikteb biex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-hekk imsejħa petizzjoni li qed jingħad li qed tiġi organizzata minn xi gwardjani tal-ħabs li qed jiġbru l-firem ta’ priġunieri li jridu lura f’postu lid-direttur miġnun tal-ħabs.
Mid-dehra wkoll, fost dawn il-firmatarji hemm priġunier li kien ilmenta dwar it-torturi li kien għadda minnhom meta kienu rabtuh ma’ siġġu tad-dixxiplina li huwa projbit mir-regolamenti tal-ħabs, liema siġġu għall-ewwel il-gvern kien ċaħad l-eżistenza tiegħu iżda mbagħad ammetta li jeżisti hekk kif ixxandru ritratti tiegħu.
Hemm ukoll l-istrajkijiet tal-ġuħ. Diffiċli li wieħed jimmaġina li jkun hemm priġunieri li jitħajru li jeqirdu ħajjthom bil-mod il-mod għax id-direttur tal-ħabs ikun iddeċieda li jdabbar rasu, anki li kieku d-direttur tal-ħabs kien Father Christmas innifsu. Skont Simon Mercieca dawk li qed jagħmlu l-istrajk tal-ġuħ qed jieklu ikel li jkunu ħallewh jiksaħ.
Il-faxxisti mhumiex magħrufin għall-konsistenza tagħhom. Fit-teorija, faxxist lanqas biss tgħaddilu mill-kuridur ta’ moħħu li l-gwardjani – aħseb u ara l-priġunieri – għandhom jiddeċiedu huma stess dwar min għandu jmexxi l-ħabs. Ħaġa bħal din m’għandha tgħaddi mill-kuridur ta’ moħħ ħadd, sakemm il-moħħ ma jkunx ta’ xi anarkista. Iżda llum ma tista’ tiskanta b’xejn.
Iżda faxxist ma jaħsibhiex darbtejn biex jimmanipula l-fehmiet bil-għan li jikkonvinċi lin-nies li dawn għandhom appoġġ li fil-fatt ma jeżistix.
Mhux hekk biss. Min jammetti li fost il-firmatarji tal-petizzjoni favur id-direttur hemm persuna li kienet ġiet ittorturata jidher li m’għandhux idea xi tfisser l-iStockholm Syndrome. Alex Dalli qatt ma ddardar jammetti li l-ħabs mexxieh b’id tal-ħadid, bis-saħħa tat-terrur u bit-theddid tal-vjolenza.
Meta xxandret l-aħbar li kien “issospenda lilu nnifsu” jien kont ktibt hawn li t-tifsira tal-pożizzjoni ta’ Alex Dalli hi li din hi waħda temporanja. Sospensjoni tfisser li min ikun issospenda ruħu jista’ jerġa’ jirritorna f’postu. Meta wieħed jiftakar li l-gvern issa ilu s-snin jaqbeż għalih, ma niskanta xejn li jkun hemm gwardjani li jafu ħobżhom u s-setgħa tagħhom lil Alex Dalli li jaslu biex jikkonvinċu lill-priġunieri li għandhom jitolbu biex Dalli jidħol lura f’postu.
Ma niskanta xejn jekk ikun hemm priġunieri – anki dawk li kienu ġew torturati – li jaslu biex jiffirmaw il-petizzjoni bil-ħsieb li d-direttur ser ikun grat lejhom wara li jerġa’ jieħu postu.
Dak li kiteb Simon Mercieca dwar petizzjonijiet u strajkijiet tal-ġuħ mhuma xejn ħlief konferma tat-tmexxija kiefra ta’ Alex Dalli. Huma konferma wkoll ta’ dak li stennejna li jseħħ meta Byron Camilleri baqa’ jirreżisti ripetutament it-tkeċċija ta’ Alex Dalli.
Issa huma sħab Alex Dalli stess li qed jagħmlu taħthom bil-biża’. Jekk it-tmexxija tal-ħabs issir waħda aktar umana, l-imġiba tagħhom tal-imgħoddi ser tiġi mgħarbla. Dawn mhux biss mhux ser ikun jistgħu jkomplu bl-aġir kiefer fuq il-vittmi tagħhom. Mhux biss l-impjieg tagħhom jista’ jittieħed minn oħrajn li jġibu ruħhom kif suppost. Dawn jinsabu mwerwrin li għad ikollhom jagħtu rendikont ta’ għemilhom fil-qorti.
Il-biża’ tinsab fuq iż-żewġ naħat. Il-messaġġi li Alex Dalli bagħat lill-ħaddiema li kienu jaqgħu taħtu, permezz tal-qaddejja tiegħu l-Orizzont u Simon Mercieca, hu li ma jistgħux jgħaddu mingħajru. Il-messaġġi li l-ħaddiema qed jibagħtu lill-priġunieri huma li Dalli ser jirritorna u għaldaqstant ikun aħjar għalihom jekk juru li jriduh lura.
Dan ma jfissirx li bilfors ser tiġihom żewġ l-aktar jekk Alex Dalli jitkeċċa u dak li jeħodlu postu jingħata l-awtorità biex jibda l-proċess tal-bidla favur trattament aktar uman. Dak li ħa post Alex Dalli għal żmien temporanju mhux qed jitħalla jagħmel dan għaliex il-gvern ħalla d-dell ta’ Alex Dalli fuq il-ħabs.
Dan huwa żmien perikoluż immens u hemm bosta li huma determinati li jpinġu s-sopensjoni ta’ Alex Dalli bħala frott ta’ deċiżjoni ħażina. Dan jinsab mejjet li jerġa’ jingħata l-imperu li kellu. U jippretendi li l-imperu huwa mejjet biex jarah jerġa’ jsaltan.
Il-kwistjoni għadha miftuħa beraħ.