Qed ngħixu l-istorja ta’ Lord of the Flies. Jien bilkemm għadni nħares lejn il-Facebook u skoprejt li għal saħħti hekk jaqbel. Jien nuża app li hi abbinata mal-blog tiegħi biex intella’ posts fuq il-Facebook għaliex għad hemm bosta li għalihom jeżisti biss il-Facebook bħala l-uniku mezz biex isegwu l-aħbarijiet. Sirt nidħol fil-Facebook meta lil min inkun naf sewwa jkollu raġuni għalxiex jiċċelebra u biex nifraħlu. Nidħol u noħroġ minn hemm f’leħħa ta’ berqa.

Ikun ferm aħjar għal saħħti meta, kemm jista’ jkun, inżomm ‘l bogħod minn dan il-ġenn kollu.

Iżda anki wara ftit tal-ġimgħat, bqajt mistagħġeb bil-kefrija li teżisti fuq il-mezzi soċjali. Bħalissa hemm bosta jippersegwitaw lill-artista Miriam Galea. Hi tgħid li tħossha qisha mhix hi iżda l-esperjenza personali għallmitni li dak hu li wieħed ikun kostrett li jgħid meta jkun qed jiġi persegwitat. Din hi ħaġa terribbli.

Xi wħud huma magħrufin diġà. Hemm ċerta Georgina Cardona, li x’aktarx hi isem falz – qisha Madame Defarge jew taf tkun ukoll Monsieur Defarge liebes ta’ mara – li tant hu jew hi mimlija mibgħeda li ma jistax ikun għandha ħafna x’tagħmel b’ħajjitha ħlief li tobżoq il-ħdura fuq ħaddieħor.

Din Giorgina hi galantoma tal-mibgħeda, Schutzstaffel virtwali, waħda minn dawk li fil-Medjuevu kienet ixxomm is-sħaħar.

Għaref ieħor, li x’aktarx jeżisti fid-dinja reali, huwa Rosario Baldacchino. Rosario huwa isem adattat għal dak li jqabbad in-nar taħt il-forka.

Dawk l-ismijiet kont ilni li naf bihom. Rajthom jikkundannaw ‘l-għedewwa tal-poplu’ u jimmobilizzaw lil ‘sħabhom’ biex jagħmlu kampanja online ta’ mibgħeda, intimidazzjoni, theddid bi vjolenza u insulti oppressivi.

Il-miċċa tal-fergħa lokali soċjalista tal-KKK nxtegħlet hekk kif ixxandret tpinġija minn Miriam Galea ta’ Michelle Muscat liebsa ta’ sirena u Joseph Muscat impinġi bħala qarnita.

Skont l-għerf ta’ Georgina Cardona, dan kien att ta’ “diżumanizzazzjoni’, kelma twila li kienet semgħetha għall-ewwel darba meta kienet għadha qed tfittex ir-raġunijiet biex tobgħod lil Daphne Caruana Galizia u dehrilha li kellha tagħmilha tal-brava hi u tixħet il-kelma lura f’wiċċ in-nies li għandha l-ħdura għalihom.

Biex turina l-għerf  li għandha taħt dik il-kappell bil-ponta li tilbes, qaltilna: “mhix permessa d-diżumanizzazzjoni fl-arti”.

Barra mill-fatt li jkun qed jinsulenta lill-qarnit min iqiegħed wiċċ Joseph Muscat flok ras ta’ qarnita u, mingħajr ma nuri qbil ma’ min jidhirlu li min jippreżenta lill-politiċi bħala annimali fit-tpinġijiet ikun qed ‘jiddiżumanahom’, il-mistoqsija li għandi għal Madame Cardona hija din: “min hu dan li mhux jagħti permess?”

Ħalli għal tal-KKK biex jaħsbu li jkunu qed jimponu xi liġi li ma jkunux jafu hix miktuba xi mkien jew le.

Min hu dan li ma jippermettix it-tpinġijiet ta’ politiċi bħala annimali? U min għandu s-saħħa li jwaqqafhom, Georgina Cardona? Int?

Wara kollox, hija tradizzjoni antika li politiċi jkunu mpinġijin bħala annimali. Aqraw dan l-artiklu tal-BBC dwar x’kien iseħħ fis-seklu 18. U hawn taħt hawn żewġ eżempji għat-tgawdija ta’ Georgina Cardona.

Hi ħaġa normali f”demokrazija meta politiċi mimlijin bihom infushom jitwaqqgħu għaż-żuffjett. U li kieku kellek l-iċken idea dwar xi tfisser id-demokrazija, dan kont tkun tafu Georgina Cardona.

Dawk li ma jkunux iridu lil Michelle Muscat titpinġa bħala sirena huma l-istess nies li jippretendu li għandna nistmawha ta’ imperatriċi (jew eks imperatriċi?) hi u tkun għaddejja qisha Kim Kardashian li welldet bil-moħbi xi dudu minn Eraserhead.

Imelda Marcos ma kinitx tkun impinġija qisha sirena fil-Filippini fiż-żmien li żewġha kien għadu fis-setgħa. Iżda wara li dan tneħħa, iva, b’dan il-mod kienu jpinġuha.

U żgur li għandna niżżuffjettaw b’Michelle Muscat! It-tpinġijiet jgħinu xi ftit biex itaffu r-rabja kontra żewġha li seraqna biex, xi ftit jew wisq, ipatti għall-vanità patoloġika tagħha.

Il-politiċi għandhom dejjem jaċċettaw il-kritika. Dawk li ma jitpinġewx qishom qarnit jew libsin ta’ sireni x’aktarx huma dawk li mhumiex ħobża u sikkina mal-mafja jew li għandhom il-mafja biex tħallsilhom l-irranġar ta’ mneħirhom jew għal xi liposuction.

Li m’għandux ikun permess f’demokrazija hu li jiġu ppersegwitati kartunisti jew kritiċi li qed jipprovdu servizz għad-demokrazija.

Il-Facebook ta saħħa kbira lill-Madames Lafarges tad-dinja moderna tagħna. Ħarġu l-giljottina u l-karrettuni biex magħhom jorbtu s-sħaħar li ma jaqblux magħhom. Il-Facebook lil dawn in-nies tahom is-setgħa li jobżqu l-mibgħeda, li jwerżqu, li jimmalafamaw, li jweġġgħu, u jekk jirnexxilhom, li jsikktu b’mod jew ieħor lin-nies li jistgħu – bis-saħħa tal-fehmiet tagħhom – ifarrku d-delużjonijiet ta’ dawk li għadhom jemmnu li Joseph u Michelle Muscat huma xi eroj tal-istorja ta’ Malta.

Nittama biss li Miriam Galea u oħrajn bħalha li qed jiġu persegwitati minn dawn il-mostri libsin il-maskri qed iħossuhom qishom mhumiex huma. Għaliex allaħares kellna nispiċċaw ngħixu fi żmien fejn ħadd ma jkun jista’ jiżżuffjetta b’Joseph u Michelle – l-agħar platt ta’ frott tal-baħar minn dakinhar li l-baħħara ta’ Odysseus kienu qalgħu x-xema’ minn widnjehom u tellgħu l-istonku tagħhom.