M’iniex espert tad-dinamika dwar kif titħaddem il-politika interna tal-Parlament Ewropew. Ma nista’ nżid xejn mas-“sorsi infurmati” kkwotati minn ġurnalisti oħrajn dwar iċ-ċansijiet li għandha Roberta Metsola li tilħaq president tal-PE. Kull “analiżi” li ssir hi waħda derivattiva u tixbah dik li jaf jagħmel kummentatur lokali tal-isport li jitħaddet dwar it-tazza tad-dinja wara li jkun sema’ x’kellhom xi jgħidu kummentaturi televiżivi oħrajn.

Ikollna nistennew u naraw x’ser jiġri. Li hu żgur hu li Roberta Metsola tinsab fiduċjuża. Hi mara li taf tagħmel il-kalkoli tagħha qabel tidħol għal kull tiġrija.

M’hemmx dubju li għandha ċerta kariżma, titkellem ċar u b’mod awtorevoli u għandha dħulija naturali. Huma dawn il-kwalitajiet li komplew isaħħuha. Roberta Metsola l-logħba politika tifhimha sewwa u kienet ix-xamma politika li għandha li żammitha timraħ fil-wiċċ.

Ir-reżiljenza politika hi waħda mill-ħiliet li għandha.

Teżisti wkoll l-ironija tal-ħiliet tagħha fil-kuntest tal-isfond politiku li tnisslet minnu.

F’Malta l-Partit Laburista għandu kmand assolut u, f’għajnejn il-partitarji fanatiċi, il-mexxejja tiegħu huma eroj li ma jistgħu jagħmlu xejn ħażin. Minkejja l-għexieren ta’ skandli, minkejja li ġiet stabbilita r-responsabbiltà tiegħu għal qtil u minkejja n-nuqqas ta’ ħila, tal-Labour jibagħtu erba’ rappreżentati medjokri biex ipoġġu fil-Parlament Ewropew. Dawn, li jiftaħru li jżommu kemxejn ‘il bogħod mill-familja politika tagħhom, ġieli vvutaw flimkien man-neofaxxisti kontra riżoluzzjonijiet imsejsin fuq is-sens komun li kienu jitolbu biss biex f’Malta tibqa’ fis-seħħ is-saltna tad-dritt.

Il-Partit Nazzjonalista, li minkejja ilu jitlef elezzjonijiet għal 10 snin sħaħ, minkejja li għadu sal-lum taħt l-effett tal-ġrieħi kawżati minn gwerra ċivili u minkejja li n-numru ta’ rappreżentanti parlamentari li għandu baqa’ dejjem jiċkien, irnexxilu jipproduċi lil xi ħadd bħal Roberta Metsola.

U David Casa, bniedem imżejjen bi kwalitajiet altruwistiċi rari li ftit issib bħalhom fid-dinja tal-politika, għadu kemm warrab mill-kariga li kellu fil-bord tat-tmexxija tal-Parlament Ewropew biex b’hekk ikabbar iċ-ċansijiet tal-kollega tiegħu li tilħaq President. Aktar milli huma rari, għandi ngħid li l-kwalitajiet tiegħu huma uniċi.

Il-bandiera tal-PN issa ilni snin sħaħ ma nxejjirha. U jidher li ser indum biex nerġa’ nibda nxejjirha. Iżda hawn m’aħniex nitkellmu dwar il-ġejjieni. Fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019  – elezzjonijiet li kienu disastrużi għall-PN – tal-Labour kienu tellgħu erba’ ewroparlamentari li, aktar u aktar wara li warrbet Miriam Dalli, jirrappreżentaw l-iżolament u l-medjokrità tal-partit li mbuttahom.

Mill-banda l-oħra, u minkejja l-isforzi kbar li kienu saru minn uħud allegatament inċentivati minn wegħdiet ta’ kumpens mingħand Yorgen Fenech bil-għan li jintlaħaq riżultat differenti, l-Partit Nazzjonalista  tella’ żewġ kandidati eċċezzjonali. U waħda minn dawn issa tinsab biċ-ċans serju li tokkupa waħda mit-tliet karigi l-aktar għoljin fl-istruttura kostituzzjonali tal-Ewropa.

Minn dan kollu mhux biħsiebni li noqgħod niġbed il-konklużjonijiet dwar il-kwalitajiet tal-PN jew dwar l-indipendenza tal-ħsieb li għandhom bosta minn dawk li soltu jivvutaw lill-PN.

Ippermettuli iżda li nawgura lil Roberta Metsola għal dan il-vjaġġ li għandha mnejn ser tibda’. Jalla dan il-vjaġġ iservi ta’ xprun li jwassal għal bidliet fir-realtà politika tagħna.

Bidliet li Alla biss jaf kemm huma meħtieġa.