Dawk il-politiċi li, wara li jkunu warrbu mis-setgħa, jitqabbdu biex jaħdmu jew jingħataw xogħol minn persuni li kienu, fiż-żmien li fih servew ta’ ministri, tqabbdu minnhom permezz ta’ kuntratti huma ħatja ta’ imġiba li tmur kontra l-etika. U jekk dawn il-politiċi m’għandhomx il-ħila jikkontrollaw lilhom infushom, għandu jkun hemm liġijiet li jwaqqfuhom u li jimmultawhom.

Joseph Muscat iridna nemmnu li ġab ruħu skont l-etika. Dan mingħalih li jekk wieħed jammetti d-dnubiet venjali, jkun jista’ jgħaddiha lixxa dwar id-dnubiet mejta. Qabel ammetta kontra qalbu li kien żbalja meta lil Mizzi u Schembri baqa’ ma dabbrilhomx rashom fil-pront, Joseph Muscat lissen il-kliem “ħallas il-prezz politiku”. B’din l-ammissjoni li għamel u bir-riżenja tiegħu, huwa ttama li jibqa’ jgawdi l-appoġġ tal-partitarji tiegħu anki hu u jiffaċċja akkużi ta’ kompliċità f’imġiba kriminali, liema akkużi għalih kienu jfissru sitwazzjonijiet li huma ħafna agħar minn riżenzji u prezzijiet politiċi. Għaliex kien ikollu jiekol ikla ħabs.

Kemm ser indumu nisimgħu ħmerijiet dwar dan l-imbierek ta’ “prezz politiku”? Ilbieraħ Edward Zammit Lewis tkellem dwar il-prezz politiku meta rrifera għal Rosianne Cutajar u dan wara li ċeda r-reżistenza li għamel għar-rapport ta’ George Hyzler li kkonkluda li Cutajar kienet ħatja ta’ ksur tal-etika dakinhar li rċeviet ħlasijiet mingħand Yorgen Fenech u naqset li tiddikjarahom fil-lista tal-ġid li għandha.

M’għandniex xi ngħidu, Edward Zammit Lewis għandu kull interess li jassigura li Rosianne Cutajar teħlisha ħafif. Għaliex jaf li dalwaqt imiss lilu.

Il-Ħadd li għadda, qrajna li Joseph Muscat kien tħallas is-somma ta’ €60,000 (ammont li nafu bih) ftit wara li warrab minn prim ministru f’Jannar 2020. Il-ħlas sar minn kumpannija li kienet appik li tfalli u li s-sidien tagħha huma s-sidien tal-VGH. Bħala prim ministru Joseph Muscat kien għadu kemm salvahom mill-falliment meta rranġalhom biex ibigħu dawk li kienu tliet sptarijiet pubbliċi Maltin lil xerrej ġdid.

Hekk kif inkixef, Joseph Muscat ipprova “jiġġustifika” ruħu billi stqarr li kien tqabbad minnhom b’mod leġittimu. B’din l-istqarrija ammetta b’mod indirett li l-imġiba tiegħu titqies bħala waħda problematika u li jekk tar-Repubblika ser joqogħdu jilmentaw dwar l-imġiba tiegħu, għandhom jilmentaw ukoll dwar Claudio Grech, Tonio Fenech u Austin Gatt li, skont Joseph Muscat, kienu ġabu ruħhom bl-istess mod li kien ġab ruħu hu.

Grech, Fenech u Gatt ilkoll ċaħdu dak li stqarr Muscat fil-konfront tagħhom u spjegaw iċ-ċirkostanzi taż-żmien meta mis-settur pubbliku kienu għaddew għas-settur privat u wrew li ħadd minnhom ma’ tqabbad jaħdem minn xi kumpanniji li kienu ngħataw kuntratti biex jipprovdu servizzi lill-gvern.

Ma nlumhomx talli għażlu li jweġbuh għaliex dawn xejn ma jaqblu li eks politiku jingħata xogħol mill-kuntratturi li kienu jaqgħu taħtu meta kienu fil-ħajja pubblika. Xogħol bħal dan m’għamluhx mhux għax għażlu li ma jagħmluhx, iżda għaliex inzertaw li lkoll għandhom sens ta’ dekor. Fil-każ ta’ Tonio Fenech, dan stqarr hu kien irrifjuta offerti li setgħu jqegħduh f’din il-pożizzjoni. Grech, Fenech u Gatt ma baqgħux b’fommhom sieket appuntu għaliex ma ġabux ruħhom bil-mod kif ġab ruħu Joseph Muscat. Li kieku baqgħu siekta, kienu jitqiesu bħallikieku qed jammettu li kienu ġabu ruħhom eżatt bħalu.

Iżda għalkemm ma nlumhomx li wieġbuh, xorta waħda jidhirli li t-tweġiba tagħhom tat palata mhux mistħoqqa lil Joseph Muscat. Qed niftakar fl-episodju ta’ meta tal-Labour kienu qabżu għal Carmelo Abela dakinhar li dawn ammettew – għax ma setgħux jagħmlu mod ieħor – li kien ħallas għal riklamar personali bi flus pubbliċi. Tal-Labour kienu ġabu l-iskuża li ma jeżisti ebda regolament li jipprojbixxi din il-prattika u għaldaqstant wieħed ma jista’ qatt jikser liġi li ma teżistix.

M’għandniex xi ngħidu, qalu ħmerija. Il-kodiċi tal-etika ministerjali ma jgħidx li ministru jeħtieġ jilbes qalziet meta jmur għax-xogħol. Dan ma jfissirx li allura ministru jista’ jilqa’ lil min iżuru liebes biss il-qalziet ta’ taħt!

Perversa kemm hi perversa l-iskuża li ħareġ biha, Joseph Muscat jaf li jaqbillu jammetti li hu ħati ta’ mġiba li mhix skont l-etika jekk fl-istess nifs ikun jista’ jgħid li n-Nazzjonalisti kienu għamlu l-istess ħaġa (ħaġa li mhi minnha xejn) u li tal-għaqda Repubblika (li dak iż-żmien kienet għadha ma nħolqitx) ma kinux ilmentaw dwar imġiba (tan-Nazzjonalisti) li fil-fatt kienet imġiba korretta.

Muscat jaf li ammissjoni bħal din mhux ser tagħmillu ħsara. Wara kollox, lanqas li għandu xi fama ta’ wieħed li dejjem ġab ruħu b’mod etiku! Din hi r-raġuni għala Austin Gatt, Claudio Grech u Tonio Fenech ħassew il-ħtieġa li jwieġbu. Li kieku dawn ingħataw xogħol jew tqabbdu jaħdmu minn min kien jaqa’ taħthom fiż-żmien li fih servew bħala ministri jew bħala uffiċjali għoljin tal-gvern, wieħed kien ċertament jiskanta b’imġiba bħal din. Iżda mingħand Joseph Muscat wieħed bħal donnu jistenna’ li dan jasal biex iġib ruħu b’dan il-mod.

Lil Joseph Muscat m’għandniex għalfejn nagħtuh ebda palata għaliex dak li hu sewwa u dak li mhuwiex, dawn it-tliet persunaġġi jafuh sewwa. Jafu li l-imġiba tagħhom m’għandhiex għalfejn tkun regolata permezz ta’ xi liġi miktuba.

Il-verità hi li l-imġiba ta’ Joseph Muscat mhux biss kienet waħda li tmur kontra l-etika. Hi wkoll waħda li tikser il-kodiċi kriminali.

Li kieku l-istorja li xxandret il-Ħadd li għadda fis-Sunday Times of Malta kienet biss dwar ksur ta’ etika, nhar it-Tnejn li għadda Repubblika ma kienx ikollha għalfejn toqgħod tagħmel rapport lill-Pulizija. Malta ilha li aboliet l-iskjavitù minn żmien Napuljun u min jitqabbad jaħdem minn xi ħaddieħor ma jistax jitqies li wettaq reat kriminali. Fil-qasam tal-impjiegi, impjegat li jikser klawsola f’kuntratt li ma tippermettix il-kompetizzjoni li tkun ġejja mingħandu jista’ jiġi kundannat iħallas id-danni. Il-Pulizija ma tidħol xejn. U jekk Tonio Fenech u l-oħrajn tassew ħadmu għal jew ingħataw xogħol minn dawk l-entitajiet li kienu jaqgħu taħthom fl-imgħoddi meta kienu ministri (dan m’għamluhx), il-Pulizija lanqas hawn ma kienet tidħol.

Il-punt hu li dak li qed jallega Joseph Muscat – jiġifieri li hu “ħadem” fl-interess tal-VGH u qala’ l-flus mix-xogħol tiegħu bħala individwu u mhux fiż-żmien meta kien prim ministru – mhuwa kredibbli xejn.

L-istqarrija tiegħu tinxtamm li hi gidba. Huwa kien warrab f’Jannar u jridna nemmnu li f’radda ta’ salib kien ħoloq konsulenza, akkwista klijent, wettaq ix-xogħol, ħareġ il-kont u rċieva somma ġmielha ftit jiem wara li ħalla l-ħatra.

Il-fatt li lil dan il-“klijent” Muscat kien diġà jafu fiż-żmien meta kien prim ministru, huwa fatt problematiku u li għandu jitqies bħala ksur tal-etika.

Li jgħodd hawn hu li l-“klijent” mhuwa klijent xejn. Ix-“xogħol” huwa biss paraventu biex jgħatti t-tixħim li xxaħħam Joseph Muscat għal servizzi li ta mhux biss meta kien prim ministru iżda – u din hi aktar serja – għal servizzi li setgħu jingħataw biss minn dak li kien fil-kariga ta’ prim ministru u li għalhekk kellu s-setgħa li jiddeċiedi li ma jħassarx il-kuntratt tal-VGH minħabba l-fatt li dawn kienu fallew u jagħti lura l-isptarijiet f’idejn il-gvern. Din hi appuntu d-deċiżjoni li kien ħa.

Din tgħidilha “tu quoque” Ġuż?