Il-ġurnali xandru t-tweġiba li għamlu tas-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Malta (MSS) għal allegazzjoni li saret minn wieħed mill-allegati assassini ta’ Daphne Caruana Galizia fis-sens li dawk kienu qed jissemmgħu fuq il-mobile tiegħu illegalment.

Tal-MSS din l-allegazzjoni mhumiex jiċħduha. Il-kwistjoni kollha mhix din.

Lil tal-MSS qed jidher għalihom avukat fil-prattika privata Mark Simiana.

Nibdew billi ngħidu kelmtejn dwar il-klijenti li għandu Mark Simiana. Meta l-awtorità dwar is-servizzi finanzjarji kienet nidiet inkjesta “indipendenti” bil-għan li jiġi mgħarbel il-każ ta’ dak li kien is-CEO Joseph Cuschieri, Mark Simiana kien wieħed mill-membri tal-bord.

Kien hemm min wera t-tħassib tiegħu dwar l-“indipendenza” tal-bord tal-inkjesta u dan peress li Mark Simiana huwa wkoll membru tal-bord tal-kumpannija li tikri l-fabbriki tal-gvern lil operaturi privati, ta’ kumitat li jiddeċiedi għandhiex tiġi revokata jew le ċ-ċittadinanza Maltija wara li tkun ġiet mixtrija u ta’ kumitat inħoloq biex jara għandhomx jinbidlu r-regolamenti dwar is-sigurtà f’postijiet li jkunu qed jinbnew u dan wara li kienu ntradmu u tilfu ħajjithom diversi persuni.

Fi kliem ieħor, Simiana għandu l-ixkupa f’idejh – persuna li tqabbdet biex tnaddaf l-imbarazz.

Ma jfissirx li din kienet ir-raġuni l-għala huwa nħatar f’dan il-każ biex jidher għal tas-Servizzi tas-Sigurtà.

Qiegħed nistaqsi l-għala kellha tinħatar persuna li mhix impjegata mal-gvern. Nasal biex nifhem li l-Avukat tal-Istat forsi m’għandux biżżejjed riżorsi biex ikun jista’ jaqdi l-aġenziji kollha tal-gvern. Iżda wieħed jeħtieġ jiftakar li s-Servizz tas-Sigurtà huwa organizzazzjoni strateġika.  Dawn għandhom setgħat li jkun jeħtieġ li jiġu eżerċitati bil-għaqal u b’ċerta kawtela u għandhom dejjem iżommu ‘l bogħod mill-interessi personali u partiġġjani ta’ dawk li f’idejhom għandhom is-setgħa politika.

Il-MSS hi aġenzija li għandha tkun dejjem konxja tal-parametri li fihom tkun tista’ taħdem. Il-ħiliet tagħha jeħtieġ li jkunu awtonomi u mhux għaqli li jitqabbdu servizzi legali mill-privat. Dan ix-xogħol legali delikat għandu jwettqu dejjem l-Avukat tal-Istat.