Se nazzarda nifhem min inti mill-fatt li qed taqra din il-kitba. Int tinsab irrabjat għall-Partit Laburista. X’aktarx, iżda mhux bilfors, li minn dejjem hekk kont. Iżda anki jekk int kont bqajt tagħti l-appoġġ lill-Partit Laburista sal-2017, issa qed tintebaħ x’sarrfet l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat u kif l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela la għandha l-ħila u lanqas għandha r-rieda li tirranġa s-sitwazzjoni.

Bqajt irrabjat dwar il-korruzzjoni, dwar it-tixħim u dwar l-impunità. Għadek imdejjaq, imbarazzat, inkurlat u ffrustrat għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u għall-fatt li l-pajjiż jidher li m’għandux il-ħila li jara li ssir il-ġustizzja u l-bidla wara li seħħet dik is-siegħa mill-aktar mudlama fl-istorja ta’ pajjiżna.

Meta tkun qed tixxennaq għal bidla politika ma jfissirx li tkun trid tmur lura għal lejlet l-ewwel rebħa ta’ Joseph Muscat fl-2013. Hi x’inhi l-fehma tiegħek dwar il-PN taħt Lawrence Gonzi jew taħt Simon Busuttil, int tkexkixt bid-direzzjoni li kien ħa l-PN taħt Adrian Delia. Kont ħadt nifs qawwi ‘l ġewwa meta dan tneħħa mit-tmexxija u dan għalkemm l-Oppożizzjoni preżenti mhix tispirak.

Ix-xewqa tiegħek hi ssegwi partit li jkun jista’ jirrappreżenta t-tamiet tiegħek aħjar. Tinsab imxennaq għal politika nadifa, għal diskussjoni pubblika li tispira u li tagħmel sens, u għal aġenda soċjali li tirrifletti l-ħsibijiet tiegħek. Jekk għadek qed taqra’, mela x’aktarx li int bniedem liberali. Jekk int konservattiv, mhux dejjem tara għajn m’għajn ma dak li jinkiteb hawn. Jogħġbok is-sens komun u ma tiħux pjaċir meta dan ma tħossux madwarek.

Kultant tħoss il-ħajra li tivvota għall-partiti ż-żgħar jew għal kandidati indipendenti. Jekk għadek qed taqra’ din il-kitba, dan ifisser li r-razzisti jixxukkjawk. X’aktarx li l-ħsara li qed issir fl-ambjent u fl-ispazju li fadal fil-kampanja jħajruk li tivvota għall-Ħodor għax huma l-uniċi li dejjem kienu konsistenti fejn jidħol l-ambjent. Iżda dawn għandhom il-ħila li jtellgħu membri parlamentari f’elezzjoni? Jeżisti biżżejjed sens komun?

Jekk għadek qed taqra’ din il-kitba, dan ifisser li spjegazzjonijiet simplistiċi dwar il-marda dinjija msejsa fuq il-firda tal-klassi ma jdoqqulek xejn u jidhirlek li huma antikwati. Il-ġlieda tal-klassi u d-dittatorjat tal-proletarjat ma jispjegawx kollox. Il-fehmiet tal-fanatiċi ma jwassluna mkien.

B’danakollu ma jfissirx li min hu radikali huwa dejjem żbaljat. Bil-maqlub. Ir-regħba donnha saret għamla ġdida ta’ reliġjon u din tassew hi l-għerq tal-marda li ħakmet lill-ħajja pubblika u ġid mill-vittmi tiegħu. Il-barunijiet tal-industrija tal-bini u tal-kasinojiet li jxaħħmu jew joqtlu biex ikollhom aktar ġid jinsabu fis-saff ta’ fuq. Jekk int  sinjur, ma jfissirx li tkun sirt hekk minħabba l-korruzzjoni. Iżda s-sinjurija hi motivazzjoni minnha nnifisha.

Tkun trid lill-politiċi jikkonfrontaw lil din ir-realtà iżda l-oppożizzjoni tiegħek għas-setgħa tas-sinjuruni mhix frott l-għira u ma tridx li l-politiċi ikunu lagħqa tas-sinjuruni jew għedewwa ta’ dawk li jridu jsiru sinjuruni. L-importanti għalik hu li kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs u, forsi aktar importanti, li jkun hawn il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt. Int trid pajjiż fejn kulħadd jitqies indaqs u fejn il-liġijiet jgħoddu għal kulħadd u mhux għal uħud biss. Id-drittijiet trid li jkunu jgħoddu għal kulħadd, b’mod speċjali għal min hu bla leħen, għall-foqra u għad-dgħajfin. U ma trid lil ħadd jaqbeż il-kju għax ikun xaħħam lil min ikun għassa mal-bieb.

Dawn huma l-kwistjonijiet ewlenin li ilek żmien tirrifletti fuqhom tul l-erba’ snin li għaddew għax tħoss li mmaturajt minn dakinhar li nqatlet ġurnalista u l-konfużjoni u rabja tal-bidu issa qed jevolvi f’analiżi dwar dak li jeħtieġ li jitranġa.

Sa ftit snin ilu, għalik il-politika kienet tfisser partit politiku li jkun aħjar minn partit ieħor. Issa l-politika għalik saret il-kundizzjoni tal-ħajja, ir-raġuni għala pajjiż tqisu bħala darek jew jekk sarx post li tkun trid taħrab minnu mill-aktar fis possibbli, għal dejjem jew għal ftit taż-żmien, jew kemm kemm billi tgħix ħajtek billi taħseb f’kollox ħlief fil-kallu li ma jkollokx il-ħila teqred.

U issa waslet elezzjoni ġenerali. Se tkun mistieden tixħet il-vot għall-ewwel darba f’elezzjoni li għandha l-potenzjal tagħti tweġiba storika għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għall-korruzzjoni li kienet il-kawża tagħha u għall-impunità li segwietha.

Il-karta tal-vot waħedha mhux ser tfornik bit-tweġibijiet għal dak kollu li kont ilek taħseb dwaru tul dawn l-aħħar erba’ snin.

Fuq il-karta tal-vot, ser ikun hemm l-ismijiet ta’ Robert Abela u tal-kandidati li qed jappoġġjawh u ta’ dawk li Nies li għalihom l-assassinju ta’ Daphne kien ħaġa sewwa. Din mhix il-fehma tiegħek.

Il-karti tal-vot ser ikollhom ukoll l-ismijiet ta’ Adrian Delia u ta’ dawk il-ftit li għadhom jagħtuh l-appoġġ – dawn huma nies li għalihom il-politika mhi xejn ħlief storbju u għajjat. Nies li jammiraw il-populiżmu ta’ Joseph Muscat. L-għażla ta’ dawn hi l-popolarità. Din mhix l-għażla tiegħek.

Fil-karta tal-vot ser ikun hemm ukoll l-ismijiet ta’ kandidati indipendenti u ta’ kandidati mill-partiti ż-żgħar li int tammira għax forsi tħoss li huma l-aktar qrib dak li tixtieq mir-rappreżentanti tiegħek. Imma anki jekk din hi l-għażla tiegħek, mingħajr ma trid, tibqa’ tħossok inkwetat int u tqis li vot għalihom jispiċċa jissarraf f’vot għall-Partit Laburista.

Biex ngħidu kollox, il-kandidati Nazzjonalisti li tappoġġja x’aktarx mhux  ser ikollhom biżżejjed appoġġ biex tingħeleb is-saħħa li jgawdi l-Partit Laburista.

Il-ħsieb li kollox għal xejn, in-nuqqas ta’ motivazzjoni li tħoss meta żżomm xemgħa tnemnem waqt xi velja ta’ protesta flimkien ma’ ftit għexieren ta’ nies, iġġiegħlek tiksaħ meta tara l-karta tal-vot u tiftakar li l-ikbar arma li għandu ċ-ċittadin f’demokrazija qisha biċċa karta li ma tiswa’ xejn.

Minkejja kollox, ikollok tiddeċiedi fejn se jmur il-vot tiegħek. Ma tistax tikkontrolla l-maġġoranza, iżda l-għażla ta’ fejn ser imur il-vot tiegħek tinsab f’idejk .

Segwu l-intervista li ta Mark Camilleri lil Jon Mallia. Camilleri ntebaħ u, aktar importanti, stqarr fil-beraħ li t-tmexxija tal-partit li ilu jimmilita fih għomru u żmienu, tinsab f’idejn ċorma ta’ kriminali. Huwa ta’ sinifikat li jgħid li l-partit tiegħu qed “ikisser lill-pajjiż”.

Ma rridx inkabbar iżżejjed is-sinifikat ta’ dan għaliex, wara kollox, ir-reati politiċi kriminali li wettaq Joseph Muscat tista’ tarahom u tmisshom b’idejk. M’hemmx għalfejn noqogħdu nitħaddtu dwar dak li huwa minn ewl id-dinja. Iżda tajjeb li nitkellmu dwar l-għamad tal-oħrajn kollha li għadhom b’rashom imdeffsa fir-ramel.

Il-mentalità ta’ Mark Camilleri baqgħet limitata kważi daqs kemm dejjem kienet. Jitkellem dwar il-PN bħallikieku dan il-partit jirrappreżenta lill-“klassi l-oħra”. Għalkemm jammetti l-onestà ta’ Simon Busuttil, fl-istess waqt jiċħdu bħala kandidat potenzjali għall-vot tiegħu għax, skont Mark Camilleri, Simon Busuttil jirrappreżenta klassi li Mark Camilleri jikkonsidra differenti minn tiegħu, tant li m’hemmx tama li għad jista’ jkun hemm qbil miegħu.

Issa kulħadd jaf li Simon Busuttil mhux ser ikun kandidat fl-elezzjoni li ġejja, iżda l-argument li qed jagħmel hawn Mark Camilleri hu li, anki jekk il-PN jibda’ jitmexxa mill-Messija nnifsu, jew minn xi ġenju kariżmatiku, onest u ta’ ħila, xorta ma jkunx jista jivvutalu. U dan minħabba l-klassi.

Id-dgħjufija tal-fehma tiegħu toħroġ mill-fatt li l-loġika ta’ Mark Camilleri ġġiegħlu jaħseb li mexxejja qarrieqa tal-Partit Laburista jirrappreżentaw klassi ta’ nies diżonesti. L-onestà u d-diżonestà ma jitqassmux fi gruppi ekonomiċi. Ma tistax tfiehem kollox b’dan il-mod.

Mhuwiex possibbli li wieħed jiddeċiedi dwar ċerti politiċi u dwar ċerti mexxejja skont il-klassi ekonomika li jagħmlu minnha. Dak li jivvota għall-korrotti (jew jerħilhom jiġu eletti għax jibqa’ lura milli jivvota għall-alternattiva) bit-tama li fil-partit tal-korrotti ser ifeġġ xi ħadd onest, mhux ser iwassal għall-bidla li hi urġenti. Mingħajr bidla, il-Labour “se jfarrak il-pajjiż”, jistqarr Mark Camilleri. Madankollu mhux biħsiebu jivvota biex il-PN isalva l-pajjiż mit-tifrik.

Hu hekk iddeċieda.

Int kif ser tiddeċiedi?

Jekk għadek qed taqra’ din il-kitba dan x’aktarx ifisser li int tixtieq li  l-Partit Laburista jitlef. Jista’ jkun li ser ikollok il-ħtieġa li ssodd imnieħrek u tivvota għall-ordinarju u l-medjokri biex tkun tista’ teqred ix-xinxilli u l-korruzzjoni. Jista’ jkun li ser ikollok tirrifletti fuq kwistjonijiet ta’ klassi, anki jekk fil-fehma tiegħi jkun aħjar jekk tirrifletti jekk tassew jeżistix jew jekk dan il-kliem dwar klassi hux qed isir biss biex ikompli mal-istorja imma issa ilu ma jeżisti fil-fatt, jekk qatt eżista. Jista’ jkun li ser ikollok tivvota għal kandidati li ma jirriflettux għal kollox l-opinjoni tiegħek iżda li huma popolari u b’hekk jikber ċans li jnaqqas is-saħħa tal-Labour, anki jekk forsi ma jkunx biżżejjed biex tissarraf f’maġġoranza.

Anki jekk id-deċiżjoni tiegħek ma ssarrafx f’telfa għall-Partit Laburista, tkun tista’ tgħid li għallinqas ippruvajt, jew, biex inkomplu fl-ambjent negattiv li jaf jiġi wara rebħa oħra Laburista, li int m’għamilt xejn biex tgħinhom jirbħu.

Is-sena 2022 waslet għalik ukoll. Politikament issa wasal iż-żmien li tiddeċiedi tibdiex tgħix. Jew tibdiex tmut.