Il-Malta Today irrappurtat li dakinhar li l-Pulizija kienu qed jagħmlu t-tfittxija tagħhom fir-residenza ta’ Joseph Muscat f’Burmarrad, uffiċjali oħrajn tal-istess korp kienu qed jagħmlu tfittxija oħra fl-uffiċċju li Muscat għandu f’ismu f’Sa Maison għaliex dan mhux dejjem jaħdem mid-dar.

Sa hawn, kollox sew. Jekk, kif qed jgħid hu, qed jagħti pariri dwar investiment jew ristrutturar ta’ negozji u jibgħat kontijet lill-klijenti tiegħu li jammontaw għal €500,000, tajjeb li jkollu uffiċċju lussuż. Iżda nistgħu biss nimmaġinaw il-kobor ta’ investiment jew tan-negozju ristrutturat li jiġġustifika l-ħlas ta’ €500,000 għal rapport ta’ konsulent? Tgħid Apple jew Saudi Arabian Oil iħallsu daqshekk? Għaliex Joseph Muscat qed jibgħat kontijiet lil kumpannija li ħadd qatt ma sema’ biha. Mhux ta’ b’xejn li s-segwaċi tiegħu huma konvinti li l-benjamin tagħhom jagħmel il-mirakli.

Biex inkunu għidna kollox, Joseph Muscat – dakinhar li ammetta li kien tħallas €60,000 mingħand kumpannija li hi qrib il-VGH (li hi mdaħħla fl-iskandlu tal-bejgħ tal-isptarijiet) u dan wara li kixfitu t-Times of Malta – qatt ma qal kemm qed jitħallas mingħand il-klijenti tiegħu. L-ammont ta’ €500,000 ssemma’ minn Matthew Caruana Galizia. Iżda l-fatt li Joseph Muscat qatt ma ċaħad jammonta għal ammissjoni indiretta.

Iżda l-kwistjoni kollha mhix din. Il-kwistjoni hi dwar l-uffiċċju ta’ Sa Maison. Skont ir-rapport imxandar fil-Malta Today: “L-uffiċċju ta’ Joseph Muscat f’Sa Maison hu proprjetà tal-gvern u Muscat ilu jużah kemm ilu li rriżenja minn Prim Ministru.”

X’inhi din? Għaliex qed jagħmel użu minn proprjetà tal-gvern? Kemm qed iħallas biex jużah? Qiegħed iħallas talli qed jużah? Din il-proprjetà x’inhi? Il-gvern għandu jiċċara. Jista’ jagħti l-każ li tal-Malta Today ma jafux il-fatti kollha iżda bil-kelma “użu” taw x’jifhmu li Joseph Muscat qed jagħmel użu ta’ dan l-uffiċċju biss b’tolleranza.

Ara veru trid tkun mejjet bil-ġuħ ta.