Oliver Scicluna jinsab imħasseb dwar dawk il-votanti li qed iwiegħduh li “jaħsbu fih” kemm-il darba jaqdihom jew jagħmlilhom xi pjaċir. Għalkemm diġà huwa membru parlamentari, għax hekk xtaq Robert Abela, Oliver Scicluna issa qed ikollu jgħaddi mill-proċess biex jerġa’ jiġi elett u, mid-dehra, xejn mhi togħġbu s-sistema ta’ “ħokkli dahri biex inħokklok dahrek”.

Sewwa għamel li tkellem kontra din id-drawwa. Iżda ma tinżillix li Oliver Scicluna ma ntebaħx li fil-politika, bħal fin-natura, jekk ma tgħaddix minn banda, issib fejn tgħaddi minn oħra. Jekk ikun irid, lin-nies tallaba tal-pjaċiri jista’ jibgħathom jixxejru. Tistgħu tibqgħu ċerti li dawn malajr isibu xi kandidat ieħor mill-istess partit tiegħu li jkun lest jaqdihom bi tpartit mal-vot. Il-korruzzjoni taħdem bis-sistema ta’ domanda u provvista u kull fejn hemm id-domanda għandek issib politiċi maħmuġin li jkun lesti li jipprovdu.

Oliver Scicluna, kif hu sewwa u xieraq, stqarr li ma jridx li jkollu x’jaqsam mal-korruzzjoni tal-klijenteliżmu. Iżda biss b’dikjarazzjoni bħal din mhu ser ibiddel xejn. Mhux meta hemm daqstant ħaddiema li ddaħħlu mal-gvern li xogħolhom huwa li jċemplu lill-kostitwenti tal-ministri biex jistaqsuhom għandhomx “bżonn ta’ xi ħaġa”.

Il-firxa tax-xibka li permezz tagħha jsiru sajdiet għall-voti ċertament mhix ser tieqaf għaliex ikun hemm xi ħadd li jiddikjara li ma jridx jilgħab logħba bħal din.

Madankollu jista’ jsir tibdil fil-liġijiet biex titrażżan din id-drawwa. Għandu jkollna liġijiet li jipprojbixxu l-użu ta’ proprjetà tal-gvern għal skopijiet ta’ sajd għall-voti. Ħaddiema tal-gvern imħallsin mill-poplu m’għandhomx jagħmlu propaganda għall-kandidat favorit tagħhom minn fuq il-lant tax-xogħol.

M’għandhomx jitħallew isiru telefonati biex votanti jiġu offruti servizzi minn xi dipartiment tal-gvern, bl-istess mod kif ma jistax isir bejgħ bieb bieb ta’ tabakk jew ta’ riklamar ta’ servizzi sesswali permezz tat-telefon.

Min iwiegħed kumpens jew rigal għall-vot għandu jeħel ta’ reat kriminali u dan mhux biss waqt kampanja elettorali iżda f’kull żmien. Għandu jkun hemm ukoll liġijiet kontra festini li jkunu b’xejn li jgħoddu għal kull żmien u mhux biss fil-ħames ġimgħat ta’ qabel elezzjoni.

Il-liġijiet dwar l-ingaġġ ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku għandhom jiġu infurzati u msaħħa u t-trasparenza u l-mertu għandhom dejjem jirbħu fuq il-favoritiżmu u l-partiġġjaniżmu. Dawk li jinħatru fuq bordijiet regolatorji jew ta’ infurzar għandhom jinħatru mhux għax jappoġġjaw il-partit politiku fil-gvern iżda għax ikun ħaqqhom. B’dan il-mod, il-ħruġ ta’ permessi tal-bini jew l-awditjar tat-taxxi jsiru fuq il-kriterji li diġà huma stabbiliti b’liġi u mhux għax xi politiku jkun irid jaqdi lil xi kostitwent tiegħu.

Fi kliem ieħor, jekk Oliver Scicluna mhux biħsiebu jitkellem kontra dawk li nħatru fl-Awtorità tal-Ippjanar, fid-Dipartiment tal-Pulizija, fl-aġenzija tal-infurzar tat-traffiku, fl-Awtorità tad-Djar u dan sforz l-appoġġ li dawn jagħtu lill-Partit Laburista, kull ma se jkun qed jagħmel hu li jwarrab l-għanqbut mingħajr ma jeqred il-brimba.

Il-partiti politiċi għandhom jimxu bl-eżempju. It-tiġrija li sseħħ bejn il-kandidati f’distrett mhix dejjem tkun waħda ġusta. Il-partiti għandhom jeħduha kontra l-klijenteliżmu magħruf billi jwarrbu dawk il-kandidati li jimmanipulaw lill-votanti b’dan il-mod. M’hemmx bżonn liġi għal dan. Hekk titlob id-diċenza u l-irġulija u iva, għandi l-ardir li neżiġi l-irġulija mingħand il-partiti politiċi.

U hawn qed ninkludi wkoll lill-Partit Laburista li – ħaġa tal-iskantament-  jagħmel parti minnu Oliver Scicluna. Iżda biex inkunu għidna kollox, nippretendi li l-Partit Laburista jkun aktar onest minn Oliver Scicluna. Madankollu partit li jinsab kuntent li jħaddan membri parlamentari bħal Carmelo Abela li ma ddardarx juża flejjes pubbliċi biex jirreklama lilu nnifsu; bħal Justyne Caruana li ma ddardritx tberbaq flejjes pubbliċi biex timla’ l-bwiet ta’ ġbinha; bħal Rosianne Cutajar li ma ddardritx titħallas biex tagħmel diskorsi fil-Parlament favur ħabibha. Ċertament fadlilna sewwa biex narawhom iwaqqfu l-klijenteliżmu waqt kampanja elettorali.

Oliver Scicluna jikkundanna lil dawk li jitolbuh jagħmlilhom il-pjaċiri. Jekk taħseb li b’din il-kundanna wera kuraġġ u integrità, għandna nitolbuh jikkundanna lill-kollegi tiegħu li jistadu għall-voti tal-kostitwenti bi tpartit mal-pjaċiri li huwa mhuwiex lest jagħmel.

Minflok iwettqu xogħolhom billi joħorġu bi proposti għal bidliet fil-politika, l-politiċi ta’ spiss jgħidu li s-sitwazzjoni ma tistax tinbidel. Tismagħhom jeqirdu li ma jafux x’jaqbdu jgħidu lill-kostitwenti ġaladarba dawn iqisu lix-xogħol politiku tagħhom bħala qadi u tqassim tal-pjaċiri. Tismagħhom jistaqsu: “X’nagħmel? Nibgħathom jixxejru meta naf li kandidati oħra ma jiddejqux jaqduhom?”

Fi ftit kliem, dak li kiteb Oliver Scicluna fil-Facebook x’aktarx huwa aktar frott ta’ inġenwità milli ta’ żelu rivoluzzjonarju.

Kif darba kien qal Basil Fawlty: ‘Xi trid tgħid biha li l-gwerra bdejnieha aħna? Min kien invada lill-Polonja?’ Il-kostitwenti mingħalihom li xogħol il-politiċi li jtellgħu hu li jdaħħlu l-kuntrabandu fis-sistema għaliex il-politiċi jriduha ta’ pirati libsin pulit b’ħorża ta’ teżori maħtufin mill-amministrazzjoni pubblika. U hawn mhux qed nirreferi biss għal-larinġ ta’ Rosianne Cutajar.

Niftakar li fl-imgħoddi kont ktibt dwar dak li kien seħħ fil-kampanja ta’ Chris Fearne biex isir mexxej tal-partit. F’okkażjoni minnhom galoppin minn tiegħu għamel stedina fil-beraħ lill-grupp limitat ta’ tesserati li kellhom vot f’dik l-elezzjoni biex ikellmu lid-Deputat Prim Ministru – bniedem suppost b’subgħajh dritt – jekk jiġu bżonn xi pjaċir. Voti bi tpartit mal-favuri. Ammen.

Minflok jilqgħu l-ilmenti tal-elettorat biex iseħħ it-titjieb fis-soċjetà li ngħixu fiha, il-politiċi qed jimirħu fi spazji illeċti, illegali, irregolari u inġusti.

Kemm jeħtieġ li jsiru kitbiet fil-Facebook biex titranġa sitwazzjoni bħal din?