Ritratt: Chris Sant Fournier / Times of Malta

Għamilt sewwa, Sur Prim Ministru, meta attendejt għall-velja tal-bieraħ filgħaxija b’tifkira ta’ Paulina Dembska. Għamilt sewwa li twaħħadt mar-rabja u max-xokk li qed iħossu n-nies għad-delitt li seħħ fil-konfront tagħha u fil-konfront ta’ familtha. Kif diġà ngħad għal diversi drabi f’dawn l-aħħar sigħat, kull mara – hi min hi – għandu jkollha s-sigurtà tagħha mħarsa.

Minn banda waħda, il-qtil ta’ Paulina Dembska kien att bla sens ta’ vjolenza li ma jistax jitfisser fi kliem. Mill-banda l-oħra, il-qtil tefa’ dawl fuq il-vulnerabilità tal-mara fis-soċjetà tagħna u fuq l-iżvantaġġi li din ta’ spiss issib ma’ wiċċha. Dan ifisser li lbieraħ int m’attendejtx għall-velja biss minħabba r-rabja ġenerali li hawn. Int għandek rwol strateġiku ewlieni u tinsab fil-pożizzjoni unika li tindirizza l-kawżi l-wiesa’ li minħabba fihom isseħħ il-vjolenza fuq in-nisa għaliex inzerta li huma nisa.

Il-preżenza tiegħek ilbieraħ ma kinitx biss prova tal-umanità tiegħek. Huwa ta’ sodisfazzjon li int tinsab konxju tal-fatt li għandek turi li qed tagħmel xi ħaġa biex issib tarf tal-problema jew li bażikament tammetti li l-problema hi waħda reali.

Meta ddeċidejt li tattendi għall-velja, int ħadt deċiżjoni tajba. Iżda l-preżenza tiegħek fl-istess ħin nibtet mistoqsija li hi minn ewl id-dinja: għaliex sal-lum bqajt m’attendejt qatt għal mill-inqas waħda mill-velji li saru wara li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia? Saru aktar minn 50 velja u int bqajt m’attendejt għal ebda waħda minnhom.

Il-presenza tiegħek mhux biss kienet tkun xhieda tal-umanità tiegħek. Kienet ukoll tkun wirja tal-apprezzament tiegħek għar-rwol li tokkupa, għas-setgħa li għandek u għar-responsabbiltà li għandek biex tagħmel tajjeb għall-politika żbaljata li kienet fetħet il-bibien biex seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din ir-responsabbiltà tinsab dokumentata minn inkjesta pubblika li għamlitlek sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex fil-ġejjieni ebda ġurnalist ma jispiċċa biex jinqatel għas-sempliċi raġuni li jkun qed jaqdi dmiru ta’ ġurnalist (u l-qtil ta’ mara għax hi mara u dan minħabba l-fatt li l-misoġinija wkoll kellha rwol fil-qtil ta’ Daphne).

Jirrifletti ħażin fuqek u fuq il-gvern tiegħek il-fatt li int qatt ma ndenjajt ruħek li tattendi għal xi velja għal Daphne Caruana Galizia. U jirrifletti ħażin ukoll fuq l-impenn li tgħid li għandek biex issib tarf tal-problemi li tkellmu dwarhom l-Imħallfin tal-inkjesta.

Int m’intix bniedem kwalunkwe. Int il-prim ministru. Il-velji li tagħżel li tattendi u dawk li tagħżel li tinjora jirriflettu mhux biss l-għażliet personali tiegħek. L-attendenza tiegħek jew in-nuqqas tagħha hi minnha nnifisha deċiżjoni politika u mhi xejn ħlief dikjarazzjoni dwar dak li int tħoss li hu importanti u dwar dak li int tiġi taqa’ u tqum minnu.

Għadek fiż-żmien li tiġbor ġieħek. Fis-16 ta’ Jannar ser issir velja fil-Belt Valletta għal Daphne Caruana Galizia.

Tagħmel sewwa jekk tiddeċiedi li tattendi.