Dawk li l-istorja qrawha u segwewha ma jistgħux ma jħossux ċerta dieqa meta jaraw is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Ilbieraħ fil-Parlament Glenn Bedingfield għamel l-isbaħ kwarta jobżoq il-mibgħeda u jimmira fuq individwi biex ilaqqtilhom il-mibgħeda tas-segwaċi tal-partit. Identifika lill-għedewwa u semma’ b’isimhom lil dawk li biħsiebhom ikomplu jirreżistu lill-awtorità tal-allat li qed imexxu lil pajjiżna. L-allat li tkellem għan-nom tagħhom Glenn Bedingfield.

Qabel ta spjegazzjoni fjakka u qarrieqa ta’ żewġ minuti kollox dwar dak li, skontu, għandha tkun il-funzjoni tal-istituzzjonijiet li għandhom ikunu indipendenti mill-gvern, Glenn Bedingfield beda billi tana ħjiel dwar dak li kien biħsiebu jgħid. Qalilna li d-diskors tiegħu kien imnebbaħ mir-rabja li qed iħoss. Qalilna li kliemu jirrifletti r-rabja tan-nies li jirrappreżenta. Il-verità fil-fatt hi li xewwex is-semmiegħa tiegħu kemm felaħ biex ikeskishom u sabiex inessilhom ix-xokk li ħassew u l-konfużjoni li kellhom f’moħħhom hekk kif raw lill-Pulizija tagħmel tfittxija fir-residenza tal-kbir mexxej tagħhom Joseph Muscat, l-alla li għallmuhom li għandhom iqimu, u dan sabiex isibu provi dwar delitti kriminali li huma għandhom suspett li wettaq.

Ir-rabja hija l-emozzjoni li titrawwem minn min ikun qed iħejji biex joħloq dittatorjat. Lis-segwaċi tagħhom ikesksuhom biex jagħmlu kaċċa għall-għadu ġewwieni u sabiex lil pajjiżhom isalvawh mill-periklu u sabiex ma jerġax isaltan establishment li jeżisti biss fil-fantasija ta’ moħħhom.

L-ewwel għedewwa fil-lista qasira ta’ Glenn Bedingfield huma l-qrati. Stqarr li l-qrati m’għandhomx jinjoraw dak li jippretendi minnhom il-poplu. Jekk jinjoraw il-poplu, jkunu qed jinjoraw lil dawk li qed iħallsilhom is-salarju. Dan qalu fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ordni li għamlet il-Maġistrat biex issir tfittxija fir-residenza ta’ Joseph Muscat. “Il-poplu”, stqarr Glenn Bedingfield, ma jridx jara lil Joseph Muscat jiġi investigat jew li jsiru tfittxijiet f’daru. U għaldaqstant il-qrati ma kienx messhom ordnaw it-tfittxija u kien messhom waqqfu l-investigazzjoni.

Fl-istess nifs, imbagħad, tkellem favur l-indipendenza tal-Imħallfin u ħeġġeġ lill-Prim Imħallef jinvestiga l-indħil li, skontu, qed isir mill-PN (permezz ta’ Jason Azzopardi) u minn Repubblika.

Dan hu dak li rrid infisser meta ngħid li għandu fehma fjakka jew qarrieqa ta’ x’tassew tfisser l-indipendenza tal-ġudikatura. Il-qrati għandhom ikunu indipendenti u ħielsa minn kull pressjoni mill-interessi tas-soċjetà ċivili jew tal-Oppożizzjoni (u hekk għandu jkun) iżda, skont Glenn Bedingfield, m’għandhomx ikunu indipendenti mill-fehmiet tiegħu (u ta’ dawk ta’ Joseph Muscat).

B’mod mill-aktar miskin, stqarr li tfittxija mill-Pulizija fis-7 ta’ filgħodu hi ta’ “inkonvenjent lil familja”. Dak li jqassam iċ-ċilindri tal-gass ħdejn id-dar tiegħi jdoqq il-ħorn qawwi tiegħu fit-toroq tagħna fis-6:35 kull nhar ta’ Erbgħa filgħodu u jien ma noqgħodx ingorr anki jekk m’iniex taħt suspett li wettaqt delitti gravi. Ċertament jeżisti limitu raġonevoli għat-tfixxijiet tal-Pulizija. Hawn m’aħniex fir-Russja ta’ żmien il-komuniżmu. Il-Pulizija ma jistgħux jaqbdu u jiġu jħabbtu fuq biebek fis-1 ta’ filgħodu sakemm dawn ma jkollhomx xi suspett int biħsiebek toqtol lil xi ħadd. Is-7 ta’ filgħodu f’jum ta’ skola mhuwiex xi ħin ta’ barra minn hawn. Wara s-7 wieħed għandu jistenna li l-biċċa l-kbira tan-nies tkun ħarġet minn darha biex tmur l-iskola jew għax-xogħol. Mela mhux aħjar tagħlaqlu Glenn?

Kompla billi allega li bis-saħħa tat-tfittxija li saret il-Maġistrat ma ġabitx ruħha b’mod dinjituż u etiku. Tafu għaliex? Għaliex, ommi ma, l-Pulizija fittxew fil-basktijiet tal-iskola tat-tfal tas-suspettat u dan biex jiżguraw li ma kien hemm xejn moħbi fihom. Tfittxija, ja ċuċ, għaliex tissejjaħ “tfittxija”? Tfittxija ma tfissirx tiġbor dokumenti li s-suspettat ikun ħejja għax ikunu tarrfulu bil-quddiem li kienet ser issir tfittxija. Tfittxija tfisser li jsir tiftix f’postijiet fejn is-suspettat seta’ ħeba l-provi. Il-basktijiet tal-iskola tat-tfal setgħu kienu post ideali biex jinħbew il-provi.

Glenn Bedingfield il-basktijiet tal-iskola tat-tfal semmiehom biss bl-iskop li jixli u jintimida lill-Maġistrat li ordnat it-tfittxija u jkeskes lin-nies kontriha. Mhux talli allega li l-Maġistrat ċediet għall-pressjoni ta’ ħaddieħor, iżda stqarr li l-imġiba tagħha kienet nieqsa mill-etika u mid-dinjità.

Glenn Bedingfield qal li jaf li kien ser ikun ikkritikat talli attakka lill-Maġistrat inkwirenti b’dan il-mod. Kellu mossa moħbija f’kommtu. Biħsiebni nispjega fl-artiklu li jmiss.