Biex mingħalih jiġġustifika l-attakk fil-beraħ fuq il-Maġistrat inkwirenti li ordnat it-tfittxija fir-residenza u fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat, Glenn Bedingfield semma’ l-kritika li jien kont għamilt fl-imgħoddi fil-konfront tal-Imħallfin Consuelo Scerri Herrera u Giovanni Grixti.
Semma’ wkoll li jien kont ktibt dwar il-Maġistrat Charmaine Galea u li jien kont heddidtha meta kkritikajt id-deċiżjoni li ħadet li tillibera lil Neville Gafà talli dan kien hedded lil Nello Scavo. Jien kont ktibt li l-Maġistrat kienet qieset li l-kliem li kien kiteb Neville Gafà ma kinux kliem ta’ theddid u għaldaqstant, skont il-kejl tagħha stess, l-istess kliem fil-konfront tagħha m’għandhomx jitqiesu bħala theddida.
Iżda jien, warakollox, min jien? Dak li nlissen, dak li tlissen Repubblika u anki dak li jista’ jlissen deputat tal-Oppożizzjoni dwar sentenza tal-ġudikatura jirrifletti biss dak li jħoss min ikun lissen dak il-kliem. Iżda meta nies bħal Glenn Bedingfield (jew, agħar, Robert Abela) jitkellmu fil-Parliament jew f’Kastilja biex iċanfru membru tal-ġudikatura, ikun il-gvern li jkun qed iċanfar lill-ġudikatura. Dik hi d-differenza Sur Glenn Bedingfield. Intom għandkom is-satgħa. U meta din is-setgħa tużawha kontra Mħallef jew Maġistrat, ser ikun hemm min iħoss weġgħa. Meta jien nikkritika lil Giovanni Grixti, x’aktarx li dan ser jinjorani għaliex jien setgħa m’għandix.
Fil-Parlament Glenn Bedingfield ħareġ jattakka bl-armi kollha u mill-Maġistrat għadda biex jispara fuq l-Ombudsman u fuq il-Kummissarju tal-Istandards talli dawn,dejjem skontu, kienu “saru l-oppożizzjoni” u dan minkejja l-fatt li dawn ma kellhom x’jaqsmu assolutament xejn mat-tfittxija li saret fir-residenza ta’ Joseph Muscat. Lill-għedewwa Glenn għażel li jispara fuqhom bl-addoċċ wieħed wieħed.
Issa qabad ukoll ma’ Robert Aquilina ta’ Repubblika. Glenn Bedingfield xlieh li kien il-moħħ wara t-tfittxija fir-residenza ta’ Joseph Muscat.
Il-verità hi li fl-2019 Robert Aquilina flimkien ma’ attivisti oħrajn kienu għamlu talba fil-qorti biex issir inkjesta maġisterjali dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Il-gvern oppona t-talba u rebaħ appell biex it-talba tiġi miċħuda. Iżda fl-aħħar mill-aħħar il-qrati ddeċidew li għandha tinbeda l-inkjesta li issa waslet biex tintemm.
Verità oħra hi li meta f’Novembru li għadda tat-Times of Malta xandru aħbar li Joseph Muscat kien tħallas mingħand kumpannija li għandha rabtiet mal-VGH li kienet rebħet (allegatament b’mod korrott) il-konċessjoni tal-isptarijiet, Robert Aquilina kien għamel nota fl-atti tal-inkjesta biex jiġbed l-attenzjoni tal-Maġistrat dwar l-istorja li xandret it-Times of Malta (storja li qatt ma ġiet miċħuda) u ssuġġerixxa li l-Maġistrat għandha tiddiskuti din l-istorja ma’ Joseph Muscat.
Meta Glenn mar jgħid li għaliex Robert Aquilina talab it-tnedija ta’ inkjesta allura dak qed jikkontrollaha mhux biss gideb iżda qal ukoll ħmerija. B’diskorsu Glenn għamel attentat biex jimmina l-integrità tal-inkjesta u dik tal-Maġistrat li qed tmexxiha. L-għan ewlieni tiegħu ma kienx dak li jixħet dubju dwar Robert Aquilina. Iżda kien dak li jipprova jiskredita lill-proċess ġudizzjarju li jista’ jikkonkludi li jeżistu biżżejjed provi biex jinbdew proċeduri kriminali kontra Joseph Muscat.
Dawn lil Repubblika ma jaħmluhiex.
Il-libertà tal-kelma tas-soċjetà ċivili ma jistgħux għaliha.
Lid-demokrazija jobogħduha.