Ritratt: REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Għaliex lil Repubblika, Joseph Muscat u l-klikka tiegħu jobogħduha daqshekk? Lil Robert Aquilina, għaliex qed jattakkawh u jkesksu l-mibgħeda kontra tiegħu?

Għaliex Robert Aquilina huwa wieħed mill-attivisti ewlenin li qed imexxi numru ta’ persuni li għandhom kuxjenza li qed jinsistu li għandha ssir ġustizzja anki ma’ dawk li għandhom setgħa politika strordinarja, bħal Joseph Muscat. Kif kien stqarr f’Ottubru 2017 dak li kien Prim Imħallef Silvio Camilleri, jaħsbuha kif jaħsbuha dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ xi ħadd, l-imħallfin u l-maġistrati ma jistgħux jieħdu passi b’inizjattiva tagħhom stess. U peress li l-Pulizija baqgħet ma ħadet ebda passi kontra min kellu x’jaqsam mal-iskandlu VGH, Repubblika ħadet l-inizjattiva u l-provi li nkixfu mill-ġurnali għaddiethom lill-Maġistrati. U minn dak l-istadju ‘l quddiem, il-Maġistrati bdew jagħmlu xogħolhom.

Huwa ċar li Joseph Muscat assolutament ma jridx li n-nies – u n-nies tiegħu – jaħsbu li jeżistu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tnedija ta’ investigazzjoni kontra tiegħu. Din hi r-raġuni li qed juża l-qaddejja tiegħu – Glenn Bedingfield u Robert Abela fost oħrajn – bħala għodda biex jagħti x’jifhem li huwa biss il-vittma ta’ persekuzzjoni mmexxija minn, fost xi ftit oħrajn, Robert Aquilina.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Glenn Bedingfield isemmi lista qasira ta’ għedewwa u jgħid li huma s-swaba ta’ qarnita tal-establishment li qed taħdem biex taqla’ barra lil tal-labour u żżomm is-setgħa li għandha.  Stqarr li tal-Labour huma l-underdogs. Dan meta jafu għandhom maġġoranza kbira favur tagħhom għall-elezzjoni li ġejja.

Ejjew nagħtu ħarsa lejn dawn l-għedewwa li semma’ u fl-istess ħin nippruvaw nifhmu x’irid ifisser bil-kelma establishment. Ebda wieħed minn dawn m’għandu setgħa eżekuttiva, ebda wieħed minn dawn m’għandu riżorsi finanzjarji bla limitu, ebda wieħed minn dawn m’għandu appoġġ popolari, ebda wieħed minn dawn ma jimpjega n-nies, għandu xi setgħa jew għandu aċċess għall-mezzi tax-xandir.

Il-Maġistrat inkwirenti għandha s-setgħa biss li tikkonkludi r-rapport tagħha u li tirrakkomanda t-tnedija ta’ proċessi kriminali kontra persuni taħt suspett. Min ikun taħt suspett ikun jeħtieġ li jiġi mħarrek fil-qorti fuq deċiżjoni tal-avukat ġenerali u jkun minn dan l-istadju ‘l quddiem li Maġistrat ikollha dritt li tagħti d-deċiżjoni tagħha wara li tkun semgħet u għarblet il-provi kollha.

Allura min huma tal-establishment skont Glenn? Jason Azzopardi? Lil dan bilkemm qatt narawh fuq l-istazzjon televiżiv tal-partit tiegħu stess. U ġaladarba Glenn Bedingfield qed jinsisti daqshekk li jirrappreżenta lil dawk li tellgħuh, Jason Azzopardi għandu jkollu d-dritt li jagħmel dan ukoll.

L-Ombudsman? Il-Kummissarju tal-Istandards? Dawn it-tnejn kienu nħatru minn gvernijiet Laburisti u s’issa kull deċiżjoni li ħadu ġiet injorata b’mod sistematiku, imminata u miċħuda mill-gvern. U dawn l-entitajiet ftit li xejn jistgħu jagħmlu. U l-ħatra tagħhom xi darba ser tintemm.

Glenn Bedingfield imissu jaf li dak li nagħmlu jien, Robert Aquilina jew Repubblika nagħmluh fil-ħin liberu tagħna għaliex aħna jeħtieġ li naħdmu biex naqilgħu x’nieklu. M’aħniex nirċievu salarji wieħed akbar mill-ieħor mingħand il-gvern, mill-Parlament u minn entitajiet oħrajn  bħal ma jirċievi Glenn Bedingfield. Aħna m’għandniex l-appoġġ ta’ kostitwenti rrabjati bħalma għandu hu. Għandna biss ir-rieda li naraw li min jagħmel il-ħażin – hu min hu u setgħa kemm jista’ għandu setgħa – jħallas ta’ għemilu.

Glenn Bedingfield qal li jistenna li jiġi kritikat. Qal dan għaliex kien jaf li dak li stqarr ma kienx mis-sewwa. Jaf li meta l-privileġġ parlamentari jiġi abbużat, tiġi mminata d-demokrazija.