Illum, ma ninsewx lill-vittmi.

Mingħajr ma jrid, wieħed ser jiftakar f’dawk li wettqu l-ħruxijiet li wasslu għall-qtil ta’ miljuni ta’ tfal, nisa, u rġiel li d-destin ried li twieldu b’isem u f’razza li għaliha kien hemm biss mibgħeda u mewt. M’aħniex ser niftakru l-ismijiet tal-miljuni ta’ vittmi. Iżda ser niftakru l-ismijiet ta’ dawk il-mostri li kienu ordnaw li dawn jinqatlu.

Ma ninsewx dawk il-mijiet tal-eluf li nqabdu bejn il-vittmi u dawk li wettqu l-atroċitajiet.

Ma nisewx lill-ġirien li ma tniffsux hekk kif waslu s-suldati biex ikaxkru lill-vittmi minn darhom u għabbewhom fuq dawk il-ferroviji fi triqithom lejn il-Lvant. Niftakru l-ħaddiema tal-istazzjonijiet tal-ferroviji u x-xufiera tagħhom. Ma nisnewx lill-għalliema li warrbu mill-klassijiet  dawk l-istudenti li kienu minn ta’ dik ir-razza u dan minkejja l-fatt li kienu jafu li dawn kienu se jiġu deportati. Niftakru f’dawk is-sidien tal-ħwienet li ħatfu n-negozji tal-kollegi u tal-kompetituri tagħhom li tkaxkru lejn il-kampijiet tal-konċentrament.

Ma ninsewx li aħna stess nistgħu lkoll inkunu l-bojja ta’ Hitler mal-ewwel okkażjoni li jista’ jkollna.